L-immigranti li jinġabru mill-Marsa jitħallsu €3 fis-siegħa

....u jekk ikunu xortihom tajba jaqilgħu sa €5 fi qligħ mhux dikjarat

 Photo caption: Baba, immigrant mill-Ghana jistenna x-xogħol fil-Marsa
Photo caption: Baba, immigrant mill-Ghana jistenna x-xogħol fil-Marsa

L-immigranti li ta’ kull filgħodu jbakkru biex jintefgħu fuq il-bankini fil-Marsa u forsi jiddubbaw ġurnata xogħol, qed jitħallsu bir-rata ta’ €3 fis-siegħa f’diversi każi, u jekk ikunu xortihom tajba u jsibu sid xi ftit iktar ta’ kuxjenza, jitħallsu bil-€5. Dan stqarrewh mal-ILLUM numru ta’ persuni li kull filgħodu jkunu l-Marsa qed jistennew biex jinġabru minn xi ħadd li joffrilhom xogħol għal ammont ta’ sigħat jew ġranet. Dan ix-xogħol, kif stqarru dawn l-immigranti stess, mhux dikjarat u allura ma titħallas ebda forma ta’ taxxa fuqu.

Tant hu hekk, li l-istess persuni li tkellmu magħna, qalulna li biex issib xogħol fil-Marsa, “m’għandekx bżonn permessi. Regoli ma jeżistux u dawk li għandhom permess ta’ xogħol, lanqas biss jużawh.” Fil-fatt, waqt li l-ILLUM kienet fuq il-post, stajna ninutaw numru ta’ vetturi jieqfu u jiġbru xi immigranti li jkunu avvinċinawhom.

Dawk li huma ta’ statura mdaqqsa u li jidhru f’saħħithom ikunu l-ewwel li jinġabru, iżda dawk li huma rqaq wisq, qosra jew ma jidhrux f’kundizzjoni li jġorru u jagħmlu xogħol bl-idejn, jibqgħu lampa stampa.

Jekk jinzerta sid twajjeb, l-immigrant jitħallas dakinhar stess u jieħu madwar €40 ta’ tmien siegħat xoghol, jew €5 fis-siegħa. Iżda, kif irrakuntawlna dawk li kienu l-Marsa, mhux l-ewwel darba li kellhom jistennew ġimgħa biex jitħallsu u saħansitra kien hemm drabi meta wegħduhom li se jitħallsu l-għada u baqgħu b’xejn. Huma sostnew li minħabba li mhumiex qed ikunu impjegati b’mod legali, dan it-tip ta’ abbuż ma jkunx jista’ jiġi rraportat.

‘Dawk b’xortihom tajba, jintagħżlu għal xi biċċa xogħol’

Sa xħin wasalna l-Marsa, għall-ħabta tat-8:15am, l-‘aqwa ħaddiema’ kienu diġa’ ntgħażlu u meħuda mis-sidien li għandhom bżonnhom għal daqqa t’id. Mat-8:30am, l-uċuh ta’ dawk qed jistennew, libsu ħarsa ta’ dieqa, għax kienu qed jirrealizzaw li llum, ma’ kinetx se tkun ġurnata tajba.

Iltqajna ma’ bosta żgħażagħ bilqiegħda fuq il-bankina jew fuq it-tarf ta’ xi ċint. Dawk li kienu jafu ftit Ingliż, wieġbu għall-mistoqsijiet tagħna. Dawk li kellmuna qalu li l-paga li jingħataw tvarja bejn €30 u €40 ta’ ġurnata xogħol.

Xi wħud kienu ilhom ma jsibu biċċa xogħol għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat. Żewġt iħbieb min-Niġerja, li għadhom kif waslu mill-Italja madwar ġimgħa ilu qalu li s’issa għadhom qatt ma sabu x-xorti li jintagħżlu.

“Fil-maġġoranza tagħhom, il-Maltin iħallsuna fil-ħin u bil-prezz li nkunu ftehmna,” qaltilna persuna min-Niġerja. Skont l-istess persuna, il-problemi jinqalgħu meta jingħataw ix-xogħol minn persuni Sirjani.

“Is-Sirjani qatt ma joffrulna iktar minn €30 għal ġurnata xogħol. U b’ġurnata xogħol ifisser sa għaxar siegħat bla waqfien.” Huwa saħaq li dawn il-ħaddiema Sirjani ma jkunux iridu jħallsu kif suppost għax ħafna drabi dak li jħallsuhom ikun qed jinqata’ direttament mid-dħul li qed joffrilu s-sid. Mill-kummenti, jidher ċar li n-natura tax-xogħol li jitqabbdu jagħmlu, huwa kollu relatat ma’ kostruzzjoni.

L-ILLUM tkellmet ma’ żewġ persuni li ilhom jgħixu Malta għal iktar minn sentejn u biż-żmien saħansitra akkwistaw il-permessi meħtieġa biex jaħdmu. Irrakkuntaw kif grazzi għall-permessi, setgħu anke jsibu xogħol b’kuntratt f’lukandi u ma’ kumpaniji tal-kostruzzjoni, għalkemm kien hemm każi fejn huma spiċċaw tkeċċew mix-xogħol, minkejja li kienu marbuta b’kuntratt.

“Imma għal hawn fil-Marsa, ħadd ma jitlobna permess. Qass biss inġorru miegħi,” qalilna b’daħka fuq wiċċu.  “Hawnhekk kemm jieqfu bil-karozza, niftiehmu prezz u nitilqu għax-xogħol.”

Sad-9:30am, dawk li kellhom isibu xi biċċa xogħol, kienu inġabru. Dawk li kienu għadhom hemm, issa bdew idabbru rashom lura bit-tama li l-għada, tmisshom ix-xorti lilhom ukoll.  

L-istorja ta’ Baba

-Irid iħallas €250 fix-xahar għal sodda f’appartament ma’ sitt irġiel oħra

Sakemm konna l-Marsa, iltqajna ma’ Baba, raġel ta’ ftit iktar minn 30 sena, bilqiegħda fuq bankina ċkejkna, b’basket ma’ dahru qrib raġel li kien jidher xi ftit iżgħar minnu.

Baba ġej mill-Ghana u ħarab minn pajjiżu fl-2006. Meta rikeb id-dgħjasa lejn futur aħjar fl-Ewropa, spiċċa Lampedusa. Minn hemm, huwa ttieħed f’ċentru f’Ruma u madwar xahrejn ilu, inġieb Malta.

F’dawn ix-xahrejn li ilu ta’ kull filgħodu jiġi l-Marsa jistenna li jiġi ngaġġat għal xi biċċa xogħol, kellu x-xorti li jaħdem għal ftit jiem biss.

“Mhux qed jirnexxili nsib xogħol. Dawk iżgħar minni jew li jidhru ftit itwal, jintgħażlu qabli.”

Viżibilment urtat, Baba qalilna li jgħix f’appartament ċkejken flimkien ma’ sitt irġiel oħra, kollha ta’ nazzjonalità differenti. Għandu jgħixu miegħu Indjani, Pakistani, Marokkini u minn pajjiżi Afrikani oħra. Għall-kamra ċkejkna li jgħix fiha hu, qed iħallas €250 fix-xahar.

“Mhux qed jirnexxili nħallas il-kera.’ Is-sid tani ħamest ijiem ċans biex inħallsu, inkella se jkeċċini ’l barra.” Sa nhar il-Ġimgħa kien diġà skada r-raba’ jum.

Spjegalna li sid il-proprjetà huwa Malti. Il-flus, iżda, jinġabru minn persuna li sa ftit ilu kien immigrant bħalu. Dan ir-raġel Afrikan, għandu r-responsabilità li fl-aħħar tax-xahar jiġbor flus il-kera mingħand dawk li qed jgħixu fl-appartament biex imbagħad jgħaddihom lis-sid.

Qalilna li bħalissa fl-appartament, qed jgħixu sitt persuni, mingħajr elettriku. “Dan li jieħu ħsieb traskurat. Ma jieħux ħsieb il-kontijiet u jħawwad kif irid fil-flus li ntuh,” saħaq Baba.   

“Il-problema hi li min qed jittradina huwa Afrikan bħali stess. Il-Maltin dejjem kienu ħanina magħna u huma ħuti stess li jippruvaw jingannawni.”

Staqsejnih jispjega għalfejn iddeċieda li jaħrab mill-Ghana.

Missier Baba żżewweġ tliet darbiet u l-familja ġiet estiża għal tmien aħwa. Il-maġġoranza tal-ulied huma nisa, u Baba jiġi l-iżgħar mis-subien. Missieru qallu biex jitlaq lejn l-Ewropa biex isib xogħol u jibda jibgħat il-flus għall-bqija tal-familja.

“Issa li qiegħed f’din is-sitwazzjoni, kważi nistħi nerġa’ lura lejn familti għax fallejt, u flus m’iniex nibgħatilhom għax m’hawnx xogħol.”

Sakemm konna qed nitkellmu, ir-raġel li kien maġenbna qam u mexa lejn il-bus stop fi Triq Aldo Moro. Qalilna li la m’hawnx xogħol hawn, se jara jsibx xi ħaġa tgħodd għalih il-Belt.

Dan ir-raġel li telaq, ukoll ġie mill-Ghana u ma kienx bilqiegħda qrib Baba b’kumbinazzjoni. Hu u Baba kienu ltaqgħu fil-kamp tar-refuġjati fl-Italja. Xahrejn u nofs ilu, meta Baba ġie Malta, reġa’ sab lil sieħbu hawnhekk, fit-toroq tal-Marsa.

“Kienu qaluli li jekk trid issib xi familjari jew ħabib immigrant, trid tiġi lejn dawn in-naħat. Ġejt u sibtu hawn.”

Sellimna lil Baba u komplejna nduru u niltaqgħu ma’ immigranti oħrajn li kienu għadhom ma qatgħux qalbhom, jittamaw li llum tmisshom xi ftit ix-xorti.

Sakemm imxejna lura mill-parti tat-triq fejn tkellimna, Baba ma kienx għadu hemm. Forsi ġietu tajba u sab lil xi ħadd li lest iħaddmu, imqar għal ġurnata. 

More in Socjali