Mara tinbgħat il-ħabs talli serqet deheb mid-dar li kienet tnaddaf

Mara ta’ 47 sena minn Raħal Ġdid intbagħtet 20 xahar ħabs u ntalbet tħallas €5,000 talli serqet deheb u ġojjelli minn dar li kienet tnaddaf

Mara ta’ 47 sena minn Raħal Ġdid intbagħtet 20 xahar ħabs u ntalbet tħallas €5,000 talli serqet deheb u ġojjelli minn dar li kienet tmur u tnaddaf. 

Graziella Debono kienet diġà ġiet arrestata f’Novembru 2020 fuq akkużi ta’ serq u reċidiviżmu. 

Hija ammettiet li serqet ġojjelli mir-residenza li kienet tmur tnaddaf fl-aħħar ġurnata tax-xogħol. Għalkemm Debono kienet ammettiet ukoll waqt l-interrogazzjoni, hija ċaħdet l-akkużi u ġiet kienet inħelset mill-arrest. Madanakollu, f’Jannar 2021 kienet reġgħet ġiet arrestata talli kisret kemm il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, kif ukoll kundizzjonijiet relatati ma’ każ ieħor.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit innotat li l-aqwa prova f’dan il-każ kienet id-dikjarazzjoni li l-mara kienet ħarġet lill-pulizija, wara li ngħatat id-drittijiet legali kollha tagħha. F’dik id-dikjarazzjoni, hija kienet ammettiet li serqet l-oġġetti u wara, biegħethom lil ġojjelliera għal €1,135. 

Ġojjelliera maħtura mill-Qorti kienet ivvalutat id-deheb misruq għal €5,325.

Il-Qorti nnotat ukoll li hija naqset li tħallas lura l-valur tad-deheb misruq, minkejja li ngħatat diversi opportunitajiet biex tagħmel dan. “L-imputata ma ppruvatx tibda tħallas parti mis-somma dovuta u minflok ġabet kull skuża ppossibbli biex tidher tal-vittma.”

Dan, flimkien mal-kundanni preċedenti tagħha għal reati simili ħafna, wassal lill-qorti biex tikkonkludi sentenza ta’ ħabs. 

More in Qrati u Pulizija