Il-PN injora ħames ittri mill-Kumissjoni Elettorali jitolbuh jipubblika l-kontijiet tiegħu

F’protest ġudizzjarju, il-Kummissjoni Elettorali qalet li bejn l-2022 u l-2023 hi staqsiet lill-PN biex jissottometti l-kontijiet tiegħu u l-lista tad-donaturi, tal-2021 u l-2022, f'ħames ittri, li skont huma, il-PN injora

Il-Partit Nazzjonalista injora ħames talbiet mill-Kummissjoni Elettorali sabiex jippubblika l-kontijiet tiegħu tal-2021, u l-2022.

F’protest ġudizzjarju, il-kummissjoni qalet li staqsiet lill-PN biex juri d-dokumenti neċċesarji, kif mitluba bil-liġi, f’ittri mibgħuta fit-18 ta’ Jannar 2022, 6 ta’ April 2022, 12 ta’ Jannar 2023, 10 ta’ April 2023, u 14 ta’ June 2023.

Iżda milli tista’ tifhem il-kummissjoni, il-ħames ittri kollha ġew injorati mill-PN, li għadu ma ppreżżentax l-kontijiet tiegħu inkluż donazzjoni.

Din l-informazzjoni ħarġet mill-kummissjoni stess, bi tweġiba għal protest ġudizzjarju mressaq mill-kandidati Laburista għall-MEPs Daniel Attard u Marija Sara Vella Gafà.

Il-protest hu indirizzat kontra l-PN. Il-kummissjoni qed titlob lill-PN sabiex tippreżenta d-dokumenti kemm jista’ jkun malajr.

Kull partit politiku f’Malta huwa obbligat li jissottometti l-kontijiet tiegħu u l-lista tad-donaturi, skont il-parametri stabbiliti mil-liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti politiċi.

Wara li tivverifika d-dokumenti, il-Kummissjoni Elettorali mbagħad tippubblika l-kontijiet u r-rapporti tad-donaturi fuq il-websajt tagħha.

Madankollu, fit-tweġiba lill-Qorti, il-kummissjoni qalet li s-setgħat tagħha li tissanzjona lill-partiti politiċi, ma jaqgħux taħt il-liġi għax tnaqqsu skont deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali fil-2018.

Il-qorti ddeċidiet lura dak iż-żmien li l-kummissjoni ma setgħetx taġixxi bħala investigatur, imħallef u ġurija dwar investigazzjonijiet dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi peress li dan kiser id-dritt għal proċess ġust.

Minn dakinhar, il-kummissjoni ma setgħetx tkompli tinfurza l-liġi u se tibqa’ hekk sakemm il-parlament ma jagħmilx l-emendi legali meħtieġa.

S'issa, l-ebda tibdil mhu qed jiġi pjanat.

Fil-protest ġudizzjarju tagħhom, Daniel Attard u Marija Sara Vella Gafà rrimarkaw li l-PN huwa suxxettibbli għal multa sa €20,000 għal kull sena, flimkien ma’ penali addizzjonali għan-nuqqas ta’ żvelar tiegħu ta’ donaturi.

Huma akkużaw ukoll lill-PN li wera nuqqas ta’ rispett għall-obbligi legali mingħajr skuża ġustifikabbli.

Il-PN ma weġibx għall-protest ġudizzjarju, xi ħaġa li mhuwiex obbligat li jagħmel.

More in Qrati u Pulizija