Erba’ xhieda jgħidu li ma rawx il-ġlieda li fiha kien involut Lilu King

Tliet bouncers u wieħed li kien qed jiċċekja l-biljetti, issejħu biex jixhdu kontra l-boxer Libjan Mohamed Ali Ahmed Elmushraty fi proċeduri relatati ma’ attakk f’klabb f’ta’ Tas-Sliema u ħadd minnhom ma seta' jiftakar tajjeb x'ġara dakinhar 

Tliet bouncers u wieħed li kien qed jiċċekja l-biljetti, issejħu biex jixhdu kontra l-boxer Libjan Mohamed Ali Ahmed Elmushraty fi proċeduri relatati ma’ attakk f’klabb f’ta’ Tas-Sliema f’Mejju ta’ din is-sena, li ħalla raġel ferut gravi. L-erba’ li huma ma setgħux jiftakru tajjeb ġara dakinhar tal-inċident.

Elmushraty jinsab akkużat li weġġa’ serjament raġel ieħor waqt ġlieda f’Medasia Playa f’Tas-Sliema u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu fl-2019 b’rabta ma’ każ ieħor. Huwa qed jiċħad l-akkużi, filwaqt li jsostni li aġixxa biex jipproteġi lilu nnifsu.

Ir-raġel ta’ 31 sena, li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq każ ta’ aggressjoni, madankollu għadu f’kustodja preventiva minħabba proċeduri kriminali separati relatati ma’ ħasil ta’ flus, kien intbagħat il-ħabs fl-2018 talli attakka u weġġa’ bouncer f’ Paceville b’xabla.

L-ewwel li xehed kien Dejan Vasinkovich, li qal lill-Qorti li kien jaħdem bħala gwardjan tas-sigurtà f’Medasia Playa. L-Ispettur Shamus Woods, li kien qed imexxi l-prosekuzzjoni, staqsieh dwar l-attakk.

Vasinkovich wieġeb li ma kinx involut fl-inċident għax meta ġara l-attakk huwa kien qiegħed mal-bieb ta’ barra u meta mar jara x’inqala’, il-ġlieda kienet laħqet spiċċat. Meta mistoqsi jekk għarafx lil xi ħadd fl-awla llum, Vasinkovich qal li ma kienx jaf. Vasikovich saħaq li ma ra l-ebda ġrieħi u li kien ordnat joħorġu ‘l barra mill-post.

L-avukat difensur ta’ Elmushraty, Franco Debono qal li Vasinkovich ma jaf xejn filwaqt li l-Ispettur Woods sostna jgħid li intqal mod ieħor fir-rapport. Minħabba dan, il-Qorti ddeċidiet li ma tikkonfrontax lil Vasinkovich minħabba l-fatt li dak li qal fl-istqarrija mhuwiex ċar.

Tela’ jixhed Marko Mikhailovic li kien jaħdem ukoll bħala bouncer f’Medasia Playa qal ukoll lill-Qorti li dak iż-żmien kien qed jaħdem mal-bieb fuq in-naħa ta’ barra.

Mikhailovic qal li wara sejħa fuq ir-radju, meta daħal ġewwa ma ra l-ebda ġlied.

It-tilet xhud kien Uros Timovski, li dakinhar ukoll kien qed jaħdem fid-daħla u ma ra xejn ħlief li ħarġu persuna barra.

Ir-raba’ xhud, Nicola Pavic, qal l-istess kliem. Huwa stqarr li dakinhar kien qed jiċċekja il-biljetti fuq in-naħa ta’ barra, u li meta daħal ġewwa mal-ewwel bagħtuh lura f’postu biex ma jħallix id-daħla mingħajr supervizzjoni. Pavic kompla jgħid li ma kellu l-ebda ħjiel min kien qiegħed xogħol fuq ġewwa f’dik il-ġurnata.

L-Ispettur Woods staqsa lix-xhud kemm nies kienu involuti fil-ġlieda, Pavic wieġeb li kienu ħafna dawk li kellhom x’jaqsmu fiha. Waqt li kompla itenni li ma jiftakarx eżatt jekk kienx hemm persuni midruba għax ilu ħafna.

Il-każ ikompli f’Diċembru.

Għal Elmushraty qed jidhru l-avukati Franco Debono u Francesca Zarb.

More in Qrati u Pulizija