Fenech jerġa jipprova jneħħi lis-Supretendent Arnaud mill-każ ta' Caruana Galizia

Yorgen Fenech qed jallega li Keith Arnaud kellu kunflitt ta’ interess minħabba r-rabta tiegħu ma’ Keith Schembri, l-eks chief of staff tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat  

L-Ispettur Keith Arnaud u l-avukat ta' Yorgen Fenech Charles Mercieca (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)
L-Ispettur Keith Arnaud u l-avukat ta' Yorgen Fenech Charles Mercieca (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)

Yorgen Fenech, l-allegat moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ingħata t-tieni ċans biex ineħħi lis-Supretendent Keith Arnaud mill-każ. 

Dan l-iżvilupp isegwi deċiżjoni reċenti li ħadet l-Qorti tal-Appell.

F’Marzu tas-sena li għaddiet, it-talba inizjali ta’ Fenech li jitneħħa is-Supretendent Arnaud mill-investigazzjoni spiċċat ma ntlaqatx. Fenech bħalissa qed jistenna ġuri fuq akkużi relatati mal-allegat involviment tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Il-bażi tat-talba ta’ Fenech tgħid li allegatament kien hemm kunflitt ta’ interess bejn is-Supretendent Arnaud uKeith Schembri minħabba r-relazzjoni ta’ bejnhom. Fenech allega li Schembri infurmah li Arnaud talab l-għajnuna tiegħu biex jikseb impjieg għal martu, li sussegwentement ġiet impjegata ma’ Infrastructure Malta f’Jannar tal-2019.

Fenech ikompli jgħid li Arnaud ipprovda informazzjoni dwar l-investigazzjoni tal-qtil lil Schembri, inkluż dettalji dwar l-arrest ta’ tliet suspettati. Barra minn hekk, allega li s-Supretendent Arnaud wissieh biex ikun kawt meta jimplika lil ħaddieħor fil-qtil, u kkonferma li kien qed jirreferi għal Schembri.

Fil-passat, il-Qorti kienet irrifjutat li tintervjeni f’din il-kwistjoni, u sostniet li Fenech ma kienx eżawrixxa r-rimedji legali ordinarji. Madankollu, il-qorti tal-appell, offriet perspettiva differenti, hekk kif enfasizzat li t-talba ta’ Fenech kellha l-għan li tevalwa l-imparzjalità ta’ Arnaud, aktar milli tinstiga azzjoni legali kontra Schembri. 

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, iddeċidiet li tirreferi l-każ lura lill-Qorti inizjali biex tiddetermina l-kwistjonijiet li fadal fil-każ.

Fenech qed ikun assistit f’din il-kwistjoni legali mill-avukati Gianluca Caruana Curran, Charles Mercieca, u Marion Camilleri.

More in Qrati u Pulizija