Il-Qorti tagħti multa u probation lil raġel li hedded eks-kollegi

Waqt li kien xurban, irritorna fir-ristorant li kien għadu kemm tkeċċa minnu b’skieken tal-ħobż

Eks-maniġer ta’ ristorant kien immultat u mpoġġi fuq probation wara li rritorna fir-ristorant fejn kien jaħdem, ftit ħin wara li kien għadu kemm ġie mkeċċi, u għedded lill-ħaddiema bi skieken.

Pierre Walton, ta’ 53 sena mill-Gżira, deher quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi aktar kmieni dalgħodu fejn  ammetta għall-akkużi kollha fil-konfront tiegħu. Dawn kienu jinkludu li kkanġuna biża ta’ vjolenza fil-konfront tal-eks kollegi u min kien iħaddmu, li ġarr żewġt iskieken fil-pubbliku mingħajr permess, kif ukoll ksur tal-paċi.

Il-każ seħħ nhar is-Sibt 5 t’Awwissu, hekk kif Walton kien tkeċċa mix-xogħol talli daħal fis-sakkra. Hu rritorna d-dar, minn fejn ġabar żewġ iskieken li l-avukati tiegħu iddiskrivew bħala skieken tal-ħobż. Qabel ma telaq, hu qal lill-oħtu li sejjer joqtol lill-eks imgħallem tiegħu.

Kienet oħtu stess li ċemplet lill-pulizija, li arrestawh fir-ristorant.

Hu wieġeb ħati għal kull akkuża.

Il-qorti mmultatu €200, u poġġietu fuq probation għal tliet snin. Ordni ta’ protezzjoni inħarġet favur il-ħaddiema u d-diretturi tar-ristorant.

L-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin dehru għall-akkużat.

More in Qrati u Pulizija