Omm Maria-Lourdes ħasibtha għadha rieqda hekk kif instabet mgħottija, la ġenba, b'idejha ma' wiċċha

Illum beda l-ġuri fil-konfront ta' Michael Emmanuel, l-akkużat fil-qtil tal-omm Maria-Lourdes Agius

Omm Maria-Lourdes Agius ma ndunatx li bintha kienet mejta fis-sodda u ħasbitha għadha rieqda. Fil-fatt meta l-pulizija marret fuq il-post, hekk kif Michael Emmanuel kien qalilhom li ma bdietx tirrispondi, huma sabuha mejtha. Dan intqal illum fl-ewwel jum ta' ġuri fil-konfront ta' Michael Emmanuel, akkużat bil-qtil tas-sieħba tiegħu Maria-Lourdes Agius, omm ta' sebat itfal, tlieta minnhom ulied ta' Emmanuel.

Il-ġuri, li qiegħed isir bl-Ingliż minħabba l-fatt illi Emmanuel, ta' 33 sena, huwa mill-Kosta tal-Avorju. Maria-Lourdes, kellha biss 35 sena li nstabet mejta fil-15 ta' Settembru 2018, fil-kamra tas-sodda fid-dar ta' ommha Maria Agius, li fiha kienu qed jgħixu l-vittma u l-akkużat. L-awtopsja indikat illi Maria-Lourdes ġiet fgata hekk kif kellha marki ta' tgħafis u tbenġil fuq l-għonq. Fil-kumpilazzjoni tal-evidenza, it-tabib forensiku Mario Scerri qal li l-omm kellha bosta marki ta' vjolenza fuq rasha u grif ma' ġisimha. 

Infakkru li Michael Emmanuel kien diġà għadda ġuri darb' oħra meta bħal dan iż-żmien erba' snin, bi tmien voti kontra wieħed huwa nstab li ma kienx fi stat ta' ġenn meta qatel lil Maria-Lourdes Agius. Sena wara l-Qorti tal-Appell ikkonfermat d-deċiżjoni tal-ġuri meta qalet illi Emmanuel kien konxju ta' dak li kien qiegħed jagħmel meta qatel lis-sieħba tiegħu. 

Huwa qiegħed jiġi akkużat bil-qtil volontarju ta' Maria-Lourdes (l-ewwel kap ta' akkuża), bl-attentat ta' ġrieħi gravi fuq Maria-Lourdes u ommha (it-tieni u t-tielet kap ta' akkuża), bi ġrieħi ta' natura ħafifa fuq Maria-Lourdes u ommha (ir-raba' u l-ħames att ta' akkuża), li m'obdiex l-ordnijiet tal-awtoritajiet u l-falsifikazzjoni ta' dokumenti pubbliċi (is-sitt u s-seba' kap ta' akkuża rispettivament).

L-avukat Vella beda bl-indirizz tiegħu billi spega li l-vittma u l-akkużat kienu ilhom madwar erba' snin flimkien u kienu qed jesperjenzaw problemi finanzjarji u għaldaqstant kienu qed jgħixu ma' Maria Agius f'Raħal Ġdid. Qal li jumejn qabel id-delitt Emmanuel attakka fiżikament lil Maria-Lourdes billi taha daqqa ta' ponn f'daharha għaliex kienet nefqet €60 f'xirja li għamlet minn ħanut tal-merċa u spiżerija. Wara li waddabha mal-art huwa sawwat lil ommha. Meta l-omm u l-bint informaw lill-pulizija b'dak li kienu esperjenzaw, huma kienu avżawh biex ma jersaqx lejhom iżda kollu kien ta' xejn għax l-għada stess mar fi triqithom u qajjem kommossjoni liema bħalha. B'konsegwenza ta' dan u anke biex jikkalmawh huma daħħluh id-dar u ħallewh jorqod hemm. L-avukat qal illi matul il-lejl kien qatel lil vittma. 

Vella fakkar illi Emmanuel kien għamel żewġ stqarrijiet differenti mal-pulizija: 

  1. Qal li qatta l-lejl mas-sieħba tiegħu, kellhom x'jaqsmu ma' xulxin u ċaħad l-allegazzjonijiet ta' omm il-vittma, jiġifieri li argumentaw għall-ħabta tas-2a.m. 
  2. Maria-Lourdes talbet lil Emmanuel biex jivgaha b'salib biex jeħles minnha u jkun jista' jiżżewweġ lil ħaddieħor. Din l-istqarrija talab l-akkużat stess li jagħmilha.

Il-vittma kienet mgħottija bil-liżar, wiccha mgħotti b'idejha x-xellugija, tħares lejn il-ħajt 

L-ewwel xhud kienet l-Ispettur Sarah Zerafa li fl-2018 kienet stazzjonata l-għassa ta' Raħal Ġdid. Xehdet li dakinhar kienet xogħol u għall-ħabta tas-7:30 a.m. il-kollega tagħha qalilha li Emmanuel rrapporta li mar iqajjem lis-sieħba tiegħu iżda għalxejn. Kif għidna qabel, meta marru fuq il-post ġew milqugħa minn omma u qaltilhom li kienet għadha rieqda, fil-fatt meta daħlu fil-kamra kienet tidher qisha għadha rieqda, mgħottija bil-liżar. Minkejja dan, meta ppruvaw iqajmuha kien evidenti li kienet mejta u ma rrisponditx. Ommha bdiet tgħajjat ma' Emmanuel li kien qatilha minħabba l-argument li kellhom preċedentament. 

L-ispettur xehdet li kien hemm rapport li sar mill-vittma u ommha u mal-ewwel issuspettaw li dan seta' kien omiċidju. Kompliet tgħid li meta marru l-esperti forensiċi fuq il-post mal-ewwel intlemhu diversi marki fuq għonqha u ħalqha. Ikkonfermat illi l-akkużat kien qalilhom li kellhom ħafna argumenti fuq flus, li kien infurmahom fuq l-argument u li kien reġa' mar fir-residenza biex jiġbor ħwejġu minkejja l-ordnijiet tal-pulizija. 

Kompliet li kien irrifjuta li jkellem avukat. Waqt il-kontro-eżami, Stafrace staqsiha dwar il-pożizzjoni li nstabet fiha u tenniet li nstabet fuq il-ġenb tal-lemin b'wiċċha lejn il-ħajt u idejha tax-xellug ma' wiċċha bħal donnha qed tgħattih. Stqarret li kien l-espert forensiku Scerri li ċaqlaq il-katavru fil-preżenza tagħha u malli ċaqilqilha idejha mal-ewwel lemħu l-ġrieħi. 

Kien imiss li jixhed is-Surġent Brian Zammit, ukoll stazzjonat l-għassa ta' Raħal Ġdid, li meta mar fuq il-post osserva kommossjoni kbira u ra lill-akkużat mal-pulizija. Ftit sigħat wara huwa ngħata l-ordni biex Emmanuel jiġi eskortat għall-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex jiġi interrogat. Eventwalment huwa tqabbad biex ikun parti mit-tim investigattiv biex jaraw x'setgħet kienet l-arma li ntużat biex inqatlet il-mara. 

Xehed li l-għada ngħata l-ordni biex jerġa' jirritorna fix-xena tad-delitt, speċifikament biex ifittex salib. Is-salib instab fil-preżenza tal-akkużat u hu kien kalm u kellu mġiba normali. Mistoqsi fejn instab is-salib, qal li filwaqt li ma kienx ċert iżda jemmen li nstab fil-kamra tas-sodda. 

Il-prosekuzzjoni qiegħda titmexxa minn Anthony Vella u Maria Francesca Scerri, Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-avukat Simon Micallef Stafrace qiegħed jidher għal Emmanuel. Intant għall-parte civile qed jihdru l-avukati Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana. 

L-aħħar aġġornament 5:45 p.m. 

More in Qrati u Pulizija