13-il persuna meħlusa mill-akkużi li heddew sid ta' ristorant wara l-mewt ta' qattusa

Il-każ imur lura għal Awwissu li għadda meta kien ġie ppubblikat ritratt ta' qattusa maqtula viċin ristorant f’Għajn Tuffieħa

13-il persuna li kkummentaw fuq Facebook b’rabja wara l-qtil ta’ qattusa f’Għajn Tuffieħa, inħellsu mill-akkużi li heddew lil sid ir-ristorant li hemm fiż-żona.

Il-każ imur lura għal Awwissu tas-sena li għaddiet u huwa dwar post fuq Facebook li fih kien ġie ppubblikat ritratt ta’ qattusa maqtula li skont il-persuna li ħaditu, il-qattusa kienet inqatlet minn anzjan li kien ma’ mara oħra anzjana u tilfa żgħira viċin ristorant partikolari.

Ħafna kienu waslu għall-konklużjoni li din kienet il-familja sid tar-ristorant u spiċċaw jgħajru u jheddu lis-sidien.

Dwar dan kien sar rapport u l-Pulizija ressqet il-Qorti 13-il persuna.

Fid-deċiżjonijiet separati meħudha llum, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech spjegat li l-Pulizija wettqet divers żbalji fl-investigazzjoni tagħha, fosthom għax il-persuni kienu ntalbu biex imorru l-għassa biex jiġu akkużati, prattika li kienet ikkritikata mill-Qorti.

Innutat ukoll li meta l-Pulizija talbet għal informazzjoni lil Facebook, għamlet dan abbażi ta’ “reati kriminali serji skont il-Kodiċi Kriminali,” u mhux minħabba “malafama fuq il-midja soċjali skont l-Att dwar il-Midja u l-Malafama.”

Il-Qorti spjegat li biex kliem ikunu meqjusa bħala theddida, il-vittma trid tkun konvinta li l-persuna li tkun għamlet l-istqarrija tkun kapaċi li twettaq it-theddida.

Kompliet tinnota wkoll li l-prosekuzzjoni bbażat l-evidenza tagħha fuq diċeriji biss.

Minħabba dawn il-punti, l-akkużati nħelsu kollha mill-akkużi.

More in Qrati u Pulizija