Il-Maġistrat Mifsud jisħaq li speed camera fil-bypass tas-Siġġiewi mhijiex biżżejjed

Huwa qal dan waqt li ssospenda l-liċenzja ta' sewwieq li kkawża inċident tat-traffiku tliet snin ilu

Il-Maġistrat Joe Mifsud saħaq li l-ispeed camera fil-bypass tas-Siġġiewi mhu qed tħalli l-ebda effett u ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jimplimentaw miżuri oħra bil-għan li jonqsu l-inċidenti kkawżati minn veloċità eċċessiva f’din it-triq.

Huwa qal dan waqt li qata’ sentenza fil-konfront ta’ raġel ta’ 38 sena li nstab ħati li minħabba s-sewqan perikoluż tiegħu kkawża inċident tat-traffiku tliet snin ilu.

L-akkużat ingħata multa ta’ 200 u anke kellu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu sospiża għal seba’ snin.

L-inċident kien seħħ fi Triq Monsinjur Mikiel Azzopardi li skont il-Maġistrat Mifsud qed tintuża bħal trakka tal-karozzi minn xi sewwieqa.

Dakinhar tal-inċident, l-akkużat kien qabeż erba’ karozzi iżda nzertat ġejja karozza oħra, bis-sewwieq tagħha jdawwar jiġri biex spiċċa daħal ġo siġra.

L-akkużat kien baqa’ sejjer iżda kien instab mill-Pulizija u tressaq il-Qorti.

Kien għalhekk li l-Maġistrat Mifsud talab lill-awtoritajiet biex jimplimentaw miżuri oħra f’din it-triq, fosthom anke ‘mobile speed cameras.'

Il-Maġistrat ordna li s-sentenza tiegħu tkun ikkommunikata lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, lil Transport Malta u lill-Kummissarju tal-Pulizija.

More in Qrati u Pulizija