Qraba ta' waħda mill-vittmi tal-inċident fiż-Żurrieq ifittxu lil Transport Malta għad-danni

L-inċident kien seħħ fid-9 ta’ April 2018 meta vettura double-decker kienet laqtet zokk ta’ siġra fi Triq il-Belt Valletta fiż-Żurrieq

Qraba ta’ waħda mill-vittmi tal-inċident li kien seħħ fid-9 ta’ April 2018, meta vettura double-decker kienet laqtet zokk ta’ siġra, qed tfittex lil Transport Malta u anke lill-operatur għad-danni.

L-inċident kien seħħ tard waranofsinhar fi Triq il-Belt Valletta fiż-Żurrieq meta vettura ta’ City Sightseeing Malta kienet laqtet zkuk ta’ siġar li kienu fil-baxx. Żewġ persuni kienu tilfu ħajjithom u oħrajn indarbu.

Il-qraba ta’ Elisaveta Danielova Avdala ressqu protest ġudizzjarju quddiem l-Ewwel Awla tal-Qorti Ċivili kontra Transport Malta u City Sightseeing Malta Limited jitolbuhom iħallsu għad-danni u kumpens għall-mewt ta’ Avdala.

L-avukati tal-familja, Lorna Mifsud Cachia u Nicole Sultana, qed jisħqu li l-inċident fatali kien tort ta’ Transport Malta u l-operatur.

Fil-protest, il-qraba jinsistu li Transport Malta falliet milli tipprevjeni dan l-inċident billi tassigura infrastruttura sigura u billi tonora l-obbligi kollha tagħha.

“Sa fejn nafu aħna qatt ma kien hemm spezzjoni waħda dwar is-sigurtà mill-awtoritajiet,” qalu l-eredi.

Il-protest jisħaq li fit-toro Maltin ma hemm l-ebda tabbella jew inkella miżuri oħra biex iwissu lis-sewwieqa dwar siġar baxxi jew ostakli oħra li jistgħu jiltaqgħu mnagħhom.

“It-tneħħija tas-siġar mhijiex is-soluzzjoni iżda jkun diżappuntanti ħafna jekk wieħed imur fl-estremità l-oħra u ma jieħu l-ebda azzjoni,” ikompli l-protest.

Dwar il-kumpanija City Sightseeing Malta Limited, il-qraba tal-vittma qed jisħqu li x-xufier kien qiegħed isuq b’mod traskurat u perikoluż u falla milli jżomm biżżejjed distanza minn mal-ġenb tat-triq.

Il-protest jitlob li d-danni jitħallsu fi żmien 30 ġurnata u jekk dan ma jseħħx se jżommuhom responsabbli bil-liġi.

More in Qrati u Pulizija