Nannu ħati li kkorrompa lin-neputija tonqoslu s-sentenza

L-anzjan kien misjub ħati li kkorrompa lin-neputija minn meta kellha tliet snin

Anzjan akkużat li kkorrompa lin-neputija tiegħu minn meta kellha tliet snin kellu s-sentenza tiegħu ridotta mill-Qorti tal-Appell.

Il-każ beda fl-2007, meta l-vittma li dak iż-żmien kellha 14-il sena, ċemplet lill-Aġenzija Appoġġ biex tirrapporta li nannuha kien qed jabbużaha sesswalment.

Hija kienet tgħix man-nanniet tagħha minn meta kellha tliet snin.

F’Ottubru tal-2013, il-Qorti tal-Maġistrati sabet lir-raġel ħati u tagħtu sentenza ta’ sitt snin ħabs.

L-anzjan appella mis-sentenza għax fi kliemu l-evidenza kienet interpretata ħażin u anke għax iqis is-sentenza bħala eċċessiva meta wieħed iqis kemm għandu ż-żmien hekk kif kien se jispiċċa joħroġ mill-ħabs kważi ta’ 80 sena.

L-Imħallef Antonio Mizzi innota kif l-ewwel Qorti ddeċidiet mhux fuq dawk li qalu x-xhieda iżda fuq dak li rrakkontat il-vittma li x-xhieda tagħha kienet aktar kredibbli minn dik tal-akkużat.

Ma qabilx mad-Difiża li saħqet li kienet diskriminatorja li l-vittma tħalliet tixhed permezz ta’ videoconferencing anke għax hija prattika li tintuża wkoll fuq livell Ewropew.

Dwar is-sentenza, l-Imħallef Mizzi osserva li l-anzjan seta’ jeħel bejn tliet snin u 12-il sena ħabs iżda saħaq li meta tat is-sentenza, l-ewwel Qorti naqset milli tieħu inkonsiderazzjoni x-xhieda tal-vittma.

Spjega kif filwaqt li ma setgħetx twaqqa’ kwalunkwe akkuża kriminali minħabba l-fatt li l-każ kien qed jitmexxa mill-Pulizija ex officio, ix-xhieda tat-tifla kellha ġġib magħha tnaqqis fis-sentenza.

Il-Qorti tal-appell ċaħdet l-appell fejn jidħlu l-merti tal-każ iżda aċċettat l-appell dwar is-sentenza u għalhekk naqsitha minn sitt snin ħabs għal erbgħa’.

More in Qrati u Pulizija