L-aħwa Degiorgio jingħataw il-ħelsien mill-arrest fil-każ ta' ħasil ta' flus

Huma xorta waħda jibqgħu l-ħabs hekk kif il-każ dwar il-qtil ta' Caruana Galizia, it-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda

Alfred u George Degiorgio ngħataw il-ħelsien mill-arrest fil-każ li fih qed ikunu akkużati b’ħasil ta’ flus.

Dan ma jfissirx li l-aħwa Degiorgio se jkunu qed joħorġu mill-ħabs hekk kif fil-każ dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-ħelsien mill-arrest ġie miċħud.

Kien il-Maġistrat Joe Mifsud li tahom il-ħelsien mill-arrest hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra Alfred u George Degiorgio u s-sieħba ta’ George Degiorgio Anca Adelina Pop.

Din tal-aħħar ingħatat il-ħelsien mill-arrest fl-aħħar seduta.

Fid-digriet ta’ 23 paġna, li bih Mifsud ta l-ħelsien mill-arrest spjega kif meta persuni tkun miċħuda l-ħelsien mill-arrest din hija l-eċċezzjoni u mhux in-norma.

Spjega kif wara disa’ seduti u wara li nstemgħu 44 xhud, setgħu jingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €30,000 u depożitu ta’ €20,000.

Insista li hu ma għandu xejn x’jaqsam mal-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u għalhekk din id-deċiżjoni bl-ebda mod ma torbot Maġistrati oħra.

More in Qrati u Pulizija