Il-Qorti tagħti ċans lil żagħżugħ biex jegħleb il-vizzju tad-droga

Hu tressaq il-Qorti akkużat li seraq karozza u oġġetti oħta minn razzett fl-Imġarr

Żagħżugħ ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li seraq karozza u oġġetti oħra minn razzett fl-Imġarr aktar kmieni din il-ġimgħa.

L-akkużat li għandu 20 sena mill-Gżira tressaq akkużat b’serq aggravat, li seraq karozza u li anke kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu f’Jannar tas-sena li għaddiet.

Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati, bl-avukat tiegħu, Franco Debono, jgħid lill-Qorti li l-akkużat ibati mill-vizzju tad-droga u jixtieq jagħmel programm biex jegħleb il-vizzju.

Il-Qorti tagħtu l-ħelsien mill-arrest u poġġietu taħt ordni ta’ superviżjoni temporanja.

Kien ordnat ukoll jiffirma fl-għassa kuljum u ma joħroġx wara t-8pm.

“L-uffiċjal tal-probabtion se jgħinek taħt kundizzjoni waħda, li inti tibda’ program ta’ rijabilitazzjoni…għamel dan b’serjetà jew ikollok problemi serji,” wissietu l-Maġistrat.

More in Qrati u Pulizija