Jinżamm arrestat iż-żagħżugħ li kważi saq fuq Pulizija; Missieru jrid li jingħata lezzjoni

L-Avukati taż-żagħżugħ jinsistu li l-karozza li qed ikun akkużat li seraq kienet miftuħa u kellha ċ-ċavetta

Ritratt arkivji
Ritratt arkivji

Iż-Żagħżugħ ta’ 17-il sena, li nqabad isuq karozza misruqa u kien se jtajjar Pulizija meta ordnalu biex jieqaf, se jkun qed jinżamm arrestat.

Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli bid-Difiża ma tagħmilx talba għall-ħelsien mill-arrest anke għax missieru jrid li jitpoġġa taħt ordni ta’ superviżjoni “biex jingħata lezzjoni.”

Iż-żagħżugħ tressaq akkużat li seraq karozza, li kien qed isuq bla liċenzja u polza tal-assigurazzjoni, li attakka u rreżista uffiċjal tal-Pulizija u li pprova jikkawżalu ġrieħi gravi.

Il-Prosekuzzjoni spjegat kif fis-17 ta’ Ottubru daħal rapport fl-Għassa tal-Imsida li kienet insterqet karozza u u din intlemħet f’Ħal Luqa u kienet misjuqa miż-żagħżugħ li kellu miegħu tfajla.

Il-pulizija ppruvaw iwaqqfuh iżda hu għafas il-gass u baqa’ tiela’ t-triq sakemm inqabad wara vann.

Iż-żagħżugħ, li huwa student tal-MCAST, wieġeb mhux ħati.

L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qalu li l-karozza misruqa kienet miftuħa u kellha fiha ċ-ċavetta waqt li fakkru lill-Qorti li ż-żagħżugħ qatt ma kellu problemi mal-ġustizzja.

Il-Qorti ordnat li tipoġġa taħt probabtion u appuntat ukoll uffiċjal biex jissorvelja liż-żagħżugħ.

More in Qrati u Pulizija