Jinħeles wara 16-il sena hekk kif sieħbu jammetti li d-droga kienet tiegħu

Raġel kien ilu mill-2002 jiffaċja akkużi ta' traffikar tad-droga sakemm is-sena li għaddiet kollega tiegħu ammetta li d-droga kienet tiegħu

Wara battalja ta’ 16-il sena, raġel ta’ 57 sena li kien instab ħati ta’ traffikar tad-droga, inħeles mill-akkużi miġjuba kontrih, wara li kollega tiegħu ammetta li d-drogi kienu tiegħu.

Ir-raġel kien tressaqt il-Qorti fl-2002, wara li uffiċjali tal-Pulzija kienu sabu pakketti bid-droga fil-vettura li kien qiegħed isuq.

Ir-raġel kien insista li ma għandu l-ebda idea kif fil-vettura kien hemm id-droga u dejjem insista li hu mhux traffikant tad-droga.

Fil-Qorti kien qal kif minkejja li l-vettura kienet irreġistrata fuq missieru, kienet tintuża minn għadd ta’ impjegati oħra li kienu jaħdmu miegħu, biex iġorru l-materjal.

Jinstab ħati l-ewwel darba...

Madanakollu, kien instab ħati fl-2009 u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs u multa ta’ €880.

Xagħrejn wara, l-eks Imħallef Joseph Galea Debono kien waqqa’ s-sentenza wara li traskrizzjoni ta’ wieħed mix-xhieda ma kinitx inkluża fl-atti tal-każ.

Jinstab ħati t-tieni darba....

Mill-ġdid, il-każ spiċċa quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, immexxija minn Maġistrat ieħor li reġa’ sab lir-raġel ħati fl-2014.

L-akkużat kien appella u s-sentenza reġgħet twaqqgħet għax it-tieni Maġistrat, flok reġa’ semma’ l-każ mill-ġdid, ibbaża s-sentenza tiegħu fuq id-deċiżjoni tal-ewwel Maġistrat.

Ħati għat-tielet darba imma...

Għat-tielet darba, il-każ spiċċa quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. It-tielet Maġistrat, aktar kmieni din is-sena, reġa’ sab lir-raġel ħati. Flok sentejn tah 15-il xahar ħabs u multa ta’ €550.

L-akkużat reġa’ fetaħ appell ieħor u l-ġimgħa li għaddiet, il-Qorti ħelsitu mill-akkużi kollha miġjuba kontrih.

Id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq dak li qal wieħed mix-xhieda f’Ottubru tal-2017 u li kien għamel żmien jaħdem mar-raġel akkużat għalxejn. Dan ix-xhud, ammetta taħt ġurament lli d-droga misjuba fil-vettura kienet tiegħu.

“Dak iż-żmien jiena kont nieħu l-kokaina. Illum miżżewweġ u għandi t-tfal. Qatt ma għidtlu li d-droga kienet tiegħi. Mhux sew li jien qisni xejn mhu xejn u ħaddieħor jgħaddi minn infern.”

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera innutat li ma hemm l-ebda prova oħra li torbot lill-akkużat mad-droga, ħlief għal fatt li nstabet fil-vettura tiegħu.

“Il-Qorti ma tistax tibqa’ passive wara li xhud ammetta b’mod daqstant ċar.” Saħaq l-Imħallef.

Il-Qorti ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga lix-xhud dwar sperġur.

More in Qrati u Pulizija