Qorti | Gidem sieq ibnu wara argument li beda minn pakkett karawett

Missier tressaq il-Qorti akkużat li gidem lill-ibnu wara li dan infaqa' jidħak meta l-akkużat waqqa' pakkett karawett

Raġel tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Monica Vella akkużat li ta daqqa ta’ ponn u gidem lill-ibnu wara argument li beda fuq pakkett karawett.

Ir-raġel kien akkużat li kiser il-paċi pubblika u li beżża',  weġġa' u hedded lil ibnu ta’ 14-il sena.

Għal xi ħin, id-difiża u l-prosekuzzjoni resqu lejn il-Maġistrat biex jiddiskutu l-każ bejniethom iżda skont sorsi li tkellmu mal-MaltaToday, l-argument beda wara li iben l-akkużat infaqa’ jidħak għax missieru waqqa’ pakkett karawett.

Jidher li l-argument kiber wara li l-akkużat tefa’ l-WiFi u li fil-ġlieda, il-missier gidem lill-iben f’siequ.

L-akkużat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. “X’nista’ nagħmel biex nikkoreġih. Jien kont nitwerwer minn missieri,” insista l-akkużat.

Ir-raġel kien ordnat li jagħmel 150 siegħa ta’ xogħol fil-komunità u ħarġet ordni ta’ protezzjoni ta’ sitt xhur għat-tifel.

L-akkużat deher inkwetat u staqsa jekk dan ifissirx li ma jistax jitkellem ma’ ibnu.

Il-Maġistrat qaltlu li jista’ jkellmu bil-patt u l-kundizzjoni li inċident simili ma jerġax jirrepeti ruħu.

More in Qrati u Pulizija