Qorti | Jhedded u jobżoq fuq raġel ieħor fil-pubbliku

L-akkużat kien imwissi minn qabel biex ma jersaqx lejn il-vittma

Raġel inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li hedded u beżaq fuq raġel fil-pubbliku.

Il-każ seħħ fil-jiem li għaddew, meta r-raġel Libjan, li għandu 40 sena, hedded raġel ieħor Malti, anke bi vjolenza.

Huwa kien akkużat ukoll li naqas milli jobdi ordnijiet tal-Pulizija.

L-Ispettur Roderick Attard spjega li l-arrest seħ wara li l-Pulizija ordnatlu ma jersaqx lejn il-vittma, iżda l-akkużat ippersista bit-theddid.

Minkejja dan, l-Avukat tal-Difiża insista li l-arrest ma kellu l-ebda bażi fil-liġi u ma kienx neċċessarju, anke għax skontu, il-Pulizija ma kellha l-ebda evidenza.

L-akkużat wieġeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest, xi ħaġa li l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat ġaladarba naqas milli jobdi l-ordnijiet tagħha.

“Fi 17-il sena qatt ma kellu problemi mal-Pulizija,” saħqet id-Difiża.

Minkejja dan, il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest.

More in Qrati u Pulizija