Qorti | Jinżamm arrestat għaxart ijiem qabel it-tieġ

Raġel tressaq akkużat li weġġa' lill-għarusa tiegħu waqt argument għaxart ijiem qabel it-tieġ

Raġel inżamm arrestat wara li weġġa’ lis-sieħba tiegħu waqt argument li kellhom bejniethom għaxart ijiem qabel it-tieġ.

L-akkużat, mill-Bożnja, kien akkużat quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia li kien fis-sakra u ma kienx kapaċi jikkontrolla lilu nnifsu.

Kien akkużat ukoll li l-għada, jiġifieri lbieraħ, attakka u kkawża ġrieħi ħfief fuq is-sieħba tiegħu.

Fil-Qorti ntqal kif il-mara marret għand il-pulizija tirrapporta li kellha xi tgħid mal-għarus tagħha, imbuttaw lil xulxin u hu taha daqqa ta’ ħarta.

Intant, l-Avukat tad-Difiża talbet lill-Qorti biex tisma’ x-xhieda waqt li l-mara riedet twaqqa’ l-akkużi iżda l-Maġistrat irrifjutat u spjegat li f’dan l-istadju l-akkużat irid biss iwieġeb ħati jew le.

Saqħet ukoll li huwa f’idejn il-pulizija li tiddeċiedi jekk twaqqax l-akkużi.

L-akkużat wieġeb mhux ħati.

Minkejja li saret talba għall-ħelsien mill-arrest, il-prosekuzzjoni ikkonfermat lill-Qorti li dalgħodu l-vittma infurmathom li ma tridx tkompli bl-azzjoni kriminali, iżda l-pulizija ddeċidiet li tkompli bl-akkużi.

Filwaqt li saħqet li ma hemmx periklu li l-akkużat se jinfluwenza lix-xhieda, ġaladarba l-uniku xhieda se jkunu uffiċjali tal-pulizija, il-prosekuzzjoni insistiet li r-raġel ma għandu l-ebda rabta f’Malta u għalhekk jista’ jħalli Malta.

Minkejja dan, l-Avukat tad-Difiża insistiet li r-raġel ilu xhur jgħix Malta u l-koppja se tiżżewweġ fi żmien għaxart ijiem.

Iżda, il-Maġistrat irrifjutat il-ħelsien mill-arrest.

More in Qrati u Pulizija