Konrad Mizzi jiċħad li martu toqgħod f'lukanda u mhux miegħu meta tiġi Malta

Kompla jinstema' l-libell li l-Ministru Mizzi kien fetaħ kontra Daphne Caruana Galizia fl-2014 meta allegat li kellu relazzjoni barra miż-żwieġ

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ddeskriva bħala “gidba sfaċċata” dak li kienet qalet Daphne Caruana Galizia dwar il-mara tiegħu, Sai Mizzi Lang.

Fi blog f’Novembru tal-2014, Caruana Galizia kienet qalet li Sai Mizzi Lang kienet qed toqgħod f’lukanda meta tiġi Malta, iżda llum il-Ministru Mizzi saħaq li Mizzi Lang tinżel spiss Malta u magħha ġġib it-tfal, bil-għan li jqattgħu ħin flimkien.

Konrad Mizzi kien fetaħ libell wara dan il-blogg ta’ Caruana Galizia, liema każ kompla llum.

Caruana Galizia kienet allegat ukoll li Konrad Mizzi kellu relazzjoni barra miż-żwieġ mal-uffiċjal tal-kommunikazzjoni tiegħu, Lindsey Gambin u skontha din kienet ir-raġuni għalfejn Sai Mizzi Lang “telqet lejn iċ-Ċina.”

Apparti Mizzi, anke Gambin kienet fetħet libell kontra Caruana Galizia u waqt li ċaħdet l-akkużi qalet biss li l-allegazzjonijiet riedu jagħmlu ħsara lill-Ministru. 

Meta mistoqsi mill-Avukat ta’ Caruana Galizia, Joseph Zammit Maempel, kemm-il darba martu ġiet Malta fl-aħħar sentejn, il-Ministru wieġeb “spiss” u li xi drabi jmur huwa stess fuq btala biex iqatta’ ħin ma’ familtu. 

Ċaħad ukoll li toqgħod f’lukanda u qal li meta tiġi Malta, Mizzi Lang toqgħod miegħu d-dar flimkien mat-tfal. Qal li xi kultant, it-tfal joqogħdu man-nanniet.

“X’tgħid kieku ngħidlek li Mizzi toqgħod f’lukanda meta tkun Malta u li t-tfal dejjem joqgħodu man-nanniet,” staqsa l-Avukat Zammit Maempel?

“Mhux veru. Gidba sfaċċata,” wieġeb il-Ministru.

Sai Mizzi Lang se tkun qed tixhed permezz ta’ Skype fis-smigħ li jmiss li se jsir f’Ġunju. 

F’Novembru tal-2015, Caruana Galizia kienet qalet li kien “uffiċjal għoli tal-pulizija” li qalilha li kien ra lill-Ministru Mizzi jgħannaq lil Gambin.

Skont Caruana Galizia, is-sors kien qalilha li rahom jixorbu f’bar u li l-aġir tagħhom kien jindika li kien hemm aktar bejniethom milli sempliċiment relazzjoni professjonali. 

More in Qrati u Pulizija