Il-Qorti tal-Appell tikkonferma s-sentenza ta' 20 sena ħabs għas-Sufu

Is-Sufu instab ħati ta' attentat umiċidju wara snin ta' ġlied bejn żewġ familji fejn saħansitra kien inqatel ħu l-ħati

Il-Qorti ddeċidiet kontra l-appell ta’ Ronnie Azzopardi, magħruf bħala s-Sufu u għalhekk ikkonfermat is-sentenza li sabitu ħati b’attentat ta’ qtil.

Is-Sufu kien tressaq il-Qorti akkużat li fl-2003 ipprova joqtol lill-ġar tiegħu b’tiri ta’ arma tan-nar iżda laqtu fi spalltu meta tbaxxa fil-karozza li kien qed isuq.

Il-vittma kien għamilha daqslikieku mejjet, bil-għan li jevita tir ieħor.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti saħqet li Azzopardi ftit li xejn jagħti valur lill-ħajja umana.

Dan il-każ kien seħħ wara snin ta’ ġlied bejn il-familja tal-akkużat u tal-vittma.

Sentejn qabel, ħu l-vittma, Melchior Spiteri kien qatel lil ħu s-Sufu, wara li dan kien hedded lill-omm Azzopardi minħabba dejn.

Melchior Spiteri kien instab ħati u weħel sentenza ħabs.

Waqt il-ġuri kien intqal li l-akkużat ried ipattiha lill-familja Spiteri għall-qtil ta’ ħuh.

Fl-2011, Azzopardi kien weħel 20 sena ħabs u kien appella mis-sentenza, fejn fost oħrajn kien insista li s-sentenza mogħtija mill-ewwel Qorti kienet eċċessiva.

More in Qrati u Pulizija