Il-Qorti tistenna assigurazzjonijiet mill-Ġermaniżi dwar mara b'mandat ta' arrest

F'kas li jista' jkun simili ħafna għal dak ta' Maria Efimova, il-Qorti Maltija talbet dikjarazzjoni mill-awtoritajiet Ġermaniżi qabel tiddeċiedi fuq l-estradizzjoni ta' mara b'mandat ta' arrest

Il-Qorti pposponiet il-proċeduri dwar l-estradizzjoni ta’ Ġermaniża li dwarha inħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew mill-awtoritajiet fil-Ġermanja.

Meta l-ġimgħa li għaddiet beda jinstema’ l-każ, il-mara mbikkma kienet qalet li tibża’ li tinqatel mill-ekssieħeb tagħha jekk tintbagħat lura l-Ġermanja.

Illum psikjatra xehed wara l-bibien magħluqa u aktar tard il-Qorti spjegat li se tkun qed tipposponi l-proċeduri biex l-awtoritajiet Ġermaniżi jagħmlu jassiguraw lill-akkużata li se joffrulha l-protezzjoni kollha neċċessarja.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech għamlitha ċara li qed tieħu din il-miżura sempliċiment biex tnaqqas il-biża’.

Għaldaqstant biex tassigura li jkunu mħarsa d-drittijiet u s-sigurtà tal-akkużata, qed tagħti ċans lill-awtoritarijiet Ġermaniżi għaxart ijiem biex jippreżentaw dikjarazzjoni li permezz tagħha jassiguraw li l-mara tingħata s-sigurtà kollha meħtieġa tul il-proċedur, ġaladarba tkun estradita.

Il-mandat ta’ arrest ħareġ wara li l-mara kienet imfittxija u akkużata li tat in-nar lil stalel taż-żwiemel, li kkawżat madwar €200 fi ħsara u li “possibbilment weġġgħet xi żwiemel.”

Il-mara kienet qalet li l-ekssieħeb tagħha huwa persuna influwenti fil-Ġermanja u li l-mandat ta’ arrest kien ħareġ minħabba l-kuntatti li għandu.

L-Avukat tal-mara, Yanika Camilleri qalet lill-Qorti li l-mara kienet qed tikkontesta l-Mandat ta’ Arrest.

Kienet saħqet li s-sitwazzjoni jeħtieġ tkun analizzata mill-awtoritajiet Ġermaniżi għax skontha, reat li kkawża €200 fi ħsara ma kellux iwassal għall-Mandat ta’ Arrest Ewropew.

Il-Maġistrat kien saħaq li l-Qorti tista’ tirrakomanda lill-awtoritajiet Ġermaniżi biex jassiguraw li l-akkużata tingħata l-protezzjoni kollha iżda l-Maġistrat insista li hu ma jistax jordna lill-Pulizija Ġermaniża.

Fil-Qorti llum instema’ kif ir-reat li dwaru qed tkun akkużata l-mara, jiġifieri dak li tat in-nar lill-propjetà intenzjonalment, iġorr piena massima ta’ 10 snin ħabs fil-Ġermanja. Iż-żewġ partijiet qabblu li dan ir-reat jista’ jwassal għall-estradizzjoni.

Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet ukoll li wara li tiddeċiedi jekk reat jistax iwassal għall-estradizzjoni, il-Qorti trid teżamina wkoll jekk hemmx raġunijiet legali jew oħra li jistgħu jwasslu lill-Qorti biex tiddeċiedi kontra l-estradizzjoni.

L-avukat tad-Difiża reġgħet semmiet l-ekssieħeb tal-akkużata huwa influwenti ħafna u jasal joqtolha jekk tintbagħat lura. L-Avukat Camilleri saħqet li skont l-akkużata l-mandat ta’ arrest ħareġ biex l-ekssieħeb tagħha jkun jaf fejn qiegħda.

Kien għalhekk li l-Qorti ħadet id-deċiżjoni li tipposponi l-proċeduri sakemm tirċievi assigurazzjoni mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

Għalkemm l-akkużi huma għal kollox differenti, dan huwa l-istess argument li qed jintuża minn Maria Efimova biex ma terġax tintbagħat Malta mill-Greċja.

Hija dejjem argumentat li telqet minn Malta għax kienet qed tibża’ li l-ħajja tagħha u ta’ familtha kienet fil-periklu.


Agħfas hawn biex taqra aktar dwar il-każ ta’ Efimova.

More in Qrati u Pulizija