Titlob li ma tintbagħatx lura l-Ġermanja għax tibża' li tinqatel mill-ekssieħeb tagħha

  • Il-mara kienet arrestata f'Malta wara Mandat ta' Arrest Ewropew għax tat in-nar lil stalel taż-żwiemel
  • Tgħid li r-raġel tagħha huwa persuna influwenti ħafna fil-Ġermanja

Ġermaniża, bid-dmugħ f’għajnejha, talbet lill-Qorti biex ma tintbagħatx lura f’pajjiżha għax tibża’ li tinqatel mill-ekssieħeb tagħha li skont dak li ntqal fil-Qorti huwa persuna influwenti fil-Ġermanja.

Il-mara tressqet il-Qorti dalgħodu wara li kienet arrestata skont Mandat ta’ Arrest Ewropew wara li qed tkun akkużata li tat in-nar apposta lil stalel taż-żwiemel.

Fil-Qorti nstema’ kif il-mara qed tkun akkużata li kkawżat madwar €200 u li “possibbilment weġġgħet xi żwiemel.”

L-Avukat tal-mara, Yanika Camilleri qalet lill-Qorti li l-mara kienet qed tikkontesta l-Mandat ta’ Arrest għax qed tibża’ li l-eks sieħeb tagħha, li minnu kellha t-tfal, joqtolha.

Intqal ukoll li nħareġ mandat ta’ arrest mhux għax kien hemm il-ħtieġa iżda għax l-eks sieħeb tagħha għandu ħafna kuntatti.

Camilleri kompliet tisħaq li s-sitwazzjoni jeħtieġ tkun analizzata mill-awtoritajiet Ġermaniżi għax skontha, reat li kkawża €200 fi ħsara ma kellux iwassal għall-Mandat ta’ Arrest Ewropew.

Il-Qorti spjegat li jekk il-mara tikkontesta l-mandat, il-każ tagħha jkun irid jiġi deċiż fi żmien xahar u ma tkunx intitolata għall-ħelsien mill-arrest.

L-avukat informat lill-Qorti li l-akkużata qed tikkontesta l-mandat. Qalet ukoll li l-mara kienet qed tirċievi terapija fil-Ġermanja għax tbati minn claustrophobia u kien għalhekk li talbet lill-Qorti biex tinżamm fl-Isptar Monte Karmeli u mhux f’Kordin.

Dwar il-biża’ li tinqatel jekk tkun estradita, il-Qorti qalet li tirrakomanda lill-awtoritajiet Ġermaniżi biex jassiguraw li tingħata l-protezzjoni kollha iżda l-Maġistrat insista li hu ma jistax jordna lill-Pulizija Ġermaniża.

Il-Qorti ordnat psikjatra biex jeżamina lill-mara u r-rapport dwar il-kundizzjoni tagħha u anke r-rakkomandazzjonijiet jingħataw lid-direttur tal-ħabs biex jiddeċiedi jekk għandhiex tinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Għalkemm l-akkużi huma għal kollox differenti, dan huwa l-istess argument li qed jintuża minn Maria Efimova biex ma terġax tintbagħat Malta mill-Greċja.

Hija dejjem argumentat li telqet minn Malta għax kienet qed tibża’ li l-ħajja tagħha u ta’ familtha kienet fil-periklu.

Agħfas hawn biex taqra aktar dwar il-każ ta’ Efimova.

More in Qrati u Pulizija