Turist jagħmel rebus f'boutique hotel f'San Ġiljan

Ir-raġel li kien fis-sakra ttella' l-Qorti dalgħodu u ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih

Raġel ta’ 43 sena ngħata libertà kkundizzjonata u anke weħel multa wara li qajjem rebus sħiħ f’boutique hotel f’San Ġiljan.

Il-każ seħħ fis-2:30am tal-lejl li għadda, waqt li r-raġel Pollakk kien taħt l-effett tal-alkoħol.

Huwa tressaq il-Qorti akkużat li kiser il-paċi pubblika, kien xurban f’post pubbliku, li beżaq lill-uffiċjal tal-pulizija, gara x-xorb lill-pulizija u anke insulentah.

Ir-raġel ma ridx li jkun assistit minn avukat anke jekk il-Qorti wissietu li jista’ jeħel multa u saħansitra anke ħabs. Huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u li ddispjaċih għal dak li għamel.

Fil-Qorti ntqal kif mediċina li qed jieħu l-akkużat setgħet affetwat l-aġir tiegħu.

Huwa ngħata l-libertà kkundizzjonata għal sena u anke weħel multa ta’ €800.

More in Qrati u Pulizija