Tikser il-kundizzjonijiet wara ħelsien mill-arrest fuq akkużi li gidbet fuq żewġha u bagħtitu l-ħabs

Lisa May Camilleri tilfet €5000 garanzija wara li kisret il-kundizzjoni tal-ħelsien mill-arrest tagħha

Lisa May Camilleri, li fl-2012 bagħtet lill-eks raġel tagħha l-ħabs għal 14-il xahar fuq akkużi li mmolesta u stupra l-binthom, wara li din xheded il-falz kontrih, itellgħet il-Qorti llum wara li kisret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tagħha, wara li fl-2014, żewġha nħeles mill-ħabs u hija weħlet l-akkużi ta’ malafama u xhieda falza fil-Qorti.

Camilleri, ta’ 47 sena, għada meħlusa mill-arrest u qed tistenna biex tittella’ l-Qorti fuq akkużi ta’ allegazzjonijiet u akkużi foloz, wara li kienet instigat lil bintha, Leanne biex tixhed il-falz u takkuża lil missierha le kien stupraha meta kienet iżhar. Fuq bażi tax-xhieda tat-tfajla, ir-raġel kien ingħata sentejn ħabs fl-2011, liema piena ġiet ikkomfermata anke wara appell li sar wara sentejn.

Iżda f’Mejju tal-2014, kemm Leanne, kif ukoll ommha Lisa May Camilleri, ġew mixlija b’allegazzjonijiet qarrieqa u xhieda falza wara li tobba kkonfermaw li t-tifla kienet għada verġni. Fid-dawl ta’ dan, il-missier, Emanuel Camilleri ġie eżonertat minn kull akkuża u s-sena li għaddiet tneħħa wkoll minn fuq ir-reġistru tat-trasġressuri sesswali.

F’Settembru tal-2014, it-tifla ta’ Camilleri ingħatat 3 snin probation u ordnata tagħmel 100 siegħa xogħol fil-komunità minħabba l-involviment tagħha f’dan il-każ.


Filwaqt li dalgħodu fil-Qorti ma ngħatawx dettalji dwar kif Camilleri kisret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest mogħtija lilha, din ma kienitx l-ewwel darba li Camilleri ġiet akkużata b’hekk. Fl-2014, il-Qorti m’aċċettatx it-talba tal-prosekuzzjoni biex jiġi revokat il-ħelsien mill-arrest ta’ Camilleri, wara li hi kienet tkixxfet ma’ xi kollegi tal-eks raġel tagħha dwar fejn jinstab. F’dik l-okkażjoni il-Qorti sostniet li minkejja ma kienitx teknikament kisret il-kundizzjoni, Camilleri kienet qed tilgħab man-nar.

Illum, Camilleri ammettiet il-ħtija tagħha, iżda minkejja dan ma ntbgħatietx il-ħabs. Fid-dawl tal-ammissjoni tagħha, il-Maġistrat Claire Louise Stafrace tat lil Camilleri sentenza ta’ erba’ snin ħabs, sospiża għal sena , multa ta’ €100 u ordnat is-sekwestru tal-€5000 li Camilleri kellha bħala garanzija personali.

More in Qrati u Pulizija