'Industrija mhux regolata li tisraq ħajjet in-nies innoċenti' - Il-Kamra tal-Periti

Il-Kamra tal-Periti takkuża lill-Gvern li minkejja l-impenn bil-miktub tiegħu r-riformi meħtieġa baqgħu ma ġewx fis-seħħ

“Il-kriżi għadha għaddejja.” Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-Kamra tal-Periti wara t-traġedja tal-bieraħ, li fiha, Miriam Pace, ittellgħet bla ħajja minn dak li fadal mid-dar tagħha.

“Huwa ċar li l-kriżi li fiha waqgħet l-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni is-sena l-oħra ma ġietx riżolta bir-regolamenti li daħlu fis-seħħ b’mod mgħaġġel f’Lulju 2019,” saħqet il-Kamra mingħajr ma damet tomgħod il-kliem.

Fakkret li kienet ilha mill-2007 titlob għal riforma komprensiva tal-industrija tal-kostruzzjoni. “Kellhom jaqgħu tliet binjiet wara xulxin fl-2019 sabiex il-Kamra tal-Periti rnexxielha eventwalment tikseb impenn bil-miktub mill-Gvern sabiex jimplimenta tliet talbiet prinċipali għal riforma fl- interess tas-sigurtà tan-nies.”

Madanakollu, kompliet tisħaq il-Kamra, ir-riformi baqgħu ma ġewx fis-seħħ.

“Ġie rreġistrat xi progress inizjali permezz tat-twaqqif tal-Aġenzija tal-Bini u Kostruzzjoni, iżda din hi nieqsa serjament minn riżorsi adegwati u ma tistax tlaħħaq mal-kumplessità tal-industrija tal-bini. Dan mhuwiex biżżejjed,” kompliet l-istqarrija.

Insistiet li diversi setturi bhall-blockchain, l-intelliġenza artifiċjali u l-gaming irċevew l-attenzjoni mistħoqqa mill-Gvern fis-snin riċenti. “L-industrija tal-kostruzzjoni tikkontribwixxi b’mod qawwi lejn il-GDP li joħloq il-pajjiż, iżda minkejja dan tibqa’ industrija mhux regolata li tisraq ħajjet in-nies innoċenti b’mod wisq frekwenti. Hemm bżonn ta’ impenn sħiħ mill-Gvern sabiex jindirizza b’mod urġenti iżda diliġenti ir-riformi meħtieġa fis-settur,” kompliet l-istqarrija.

L-ewwel riforma proposta mill-Kamra tal-Periti kienet tikkonsisti fit-twaqqif tal-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni, sabiex timplimenta il-qafas regolatorju rigward il-bini u l-kostruzzjoni “A Modern Building and Construction Regulation Framework for Malta” li l-Kamra ppubblikat f’Mejju 2019. Dan il-qafas kien iffukat fuq numru ta’ prinċipji, fosthom: 

  1. Il-ġbir ta’ funzjonijiet regolatorji taħt din l-Awtorità l-ġdida li sallum għadhom mferrxin fost 24 dipartiment u awtoritajiet tal-Gvern; 
  2. Il-ħruġ ta’ sett studjat ta’ regolamenti dwar il-bini u l-kostruzzjoni simili għal dawk eżistenti f’pajjiżi oħra Ewropej; 
  3. Ir-reġistrazzjoni, licenzjar u klassifikazzjoni obbligatorji ta’ kuntratturi u ħaddiema tas-sengħa, inkluż taħriġ u edukazzjoni rigoruż. 

It-tieni riforma hija id-dħul fis-seħħ ta’ liġi ġdida li tirregola l-periti sabiex tassigura li l-professjoni tkun tista’ tiġġedded u ssir iktar moderna, sabiex ir-rwol tal-Kamra li żżomm kull min għandu warrant kontabbli, u sabiex jkun hemm assigurazzjoni professjonali u taħriġ kontinwu b’mod mandatorju, fost miżuri importanti ohrajn. 

It-tielet talba kienet tikkonsisti fir-revoka tal-Avviż Legali 136 tal-2019 bħala parti mit-tibdil meħtieġ fil-qafas regolatorju. Il-Kamra baqgħet issostni b’mod konsistenti illi r-regolamenti li daħlu fis-seħħ is-sena l-oħra ma setgħux jindirizzaw il-kriżi, iżda għamlu s-sitwazzjoni agħar billi żiedu iktar il-konfużjoni dwar ir-rwoli u r- responsabiltajiet fuq is-siti ta’ kostruzzjoni. 

Aqra wkoll:

More in Politika