Il-Ministru Ian Borg jikkundanna lil dawk li jridu 'jirbħu xi vot' wara t-traġedja tal-bieraħ

Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-Ministru responsabbli mill-Infrastruttura tal-pajjiż wara t-traġedja li ħalliet lil Miriam Pace bla ħajja

Il-Ministru responsabbli mit-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg, fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara t-traġedja tal-bieraħ fil-Ħamrun, saħaq li l-prijorità bħalissa għandha tibqa’ l-familja ta’ Miriam Pace, l-omm li tilfet ħajjitha taħt it-terrapien ta’ dahra u dawk kollha li qed ibatu l-aktar mumenti diffiċli tal-ħajja minħabba traġedja li ma kinux qed jistennew. 

“Bħal ma ta’ spiss jiġri, fost l-emozzjonijiet ta’ dieqa u rabja, f’dawn l-aħħar sigħat rajna dawk li jippruvaw japprofittaw minn traġedja biex jippuppaw sidirhom forsi jiggwadanjaw personalment, forsi jirbħu xi vot, forsi jiġġustifikaw l-azzjonijiet,” kiteb Ian Borg u dan fid-dawl tas-sens rabja li hawn fil-pajjiż kollu u li huwa evidenti dalgħodu fuq il-midja soċjali.

Madanakollu, il-Ministru insista li ‘kull ħsieb u kull sforz bħalissa għandu jibda’ billi jagħraf u jirrispetta lil dawn il-vittmi.

Insista li l-ħsibijiet u l-impenn kollu bħalissa għandu jkun ma’ dawk il-persuni li fi kliemu, fis-skiet, qed ibatu minn din id-diżgrazzja. 

“Ma’ dawk fil-biża fid-dar tagħhom. F’dawn irridu naħsbu, u favurihom irridu nkomplu naħdmu,” temm jgħid il-Ministru.

Aqra wkoll:

More in Politika