'Il-mara tat-tbissima' - Malta tqum issellem lil Miriam Pace

Is-sogħba tal-lum trid tinbidel f’rabja. Xi ħadd hu responsabbli għal dan il-qtil. Irridu naraw li ssir ġustizzja

Ħafna ma jafuhiex, iżda dalgħodu Malta qamet issellem lil Miriam Pace, forsi wkoll frott ir-rabja għax il-ħajja tagħha ttieħdet fl-aqwa tagħha intortament.

Il-ħbieb ta' Carmel u Miriam sellmulha bħala mara li kienet taf tħobb, mara twajba u ta' talb, iżda fuq kollox mara tat-tbissima.

Kull min kien jaf lil Miriam, innota din il-karatteristika tagħha. It-tbissima tagħha kienet fuq fommha l-ħin kollu.

Anke jekk il-familja Pace kienet toqgħod il-Ħamrun, ix-xokk huwa evidenti fost il-komunità Beltija u dan hekk kif żewġha Carmel, Belti, huwa attiv ħafna, partikolarment fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu.

Miriam stess kienet devota ħafna tal-Madonna tal-Karmnu u ma kinitx tgħaddi ġimgħa li ma kinitx iżżur is-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta.

Iżda sellmulha wkoll anke nies li ma jafuhiex. Fost dawn, Alex Vella Gregory, jew Ċikku l-Poplu kif inhu magħruf li ddedikalha erba' versi, iżda b'saħħithom.

Intant, illejla, Moviment Graffitti se jkun qiegħed jorganizza protesta siekta, biswit id-dar fejn Miriam, flimkien ma' żewġha bnew il-familja tagħhom. Il-protesta tibda fis-7pm, fi Triq Abela Scolaro f'Santa Venera.

"Is-sogħba tal-lum trid tinbidel f’rabja. Xi ħadd hu responsabbli għal dan il-qtil. Irridu naraw li ssir ġustizzja," saħaq il-Moviment.

More in Socjali