Louis Galea ma jiċħadx li ppropona isem ġdid għall-PN; Jinsisti li r-riforma hija akbar mill-isem

Kif żvelat il-gazzetta ILLUM Louis Galea jinsisti li l-proposti li qed jipproponi huma “sostanzjali”

L-eks Ministru Nazzjonalista Louis Galea ma ċaħadx dak li żvelat il-gazzetta ILLUM, jiġifieri li qed jipproponi isem ġdid għall-Partit Nazzjonalista, biex jibda jissejjaħ: “Partit Nazzjonali tal-Poplu.”

Fi stqarrija, Galea saħaq li l-bidla fl-isem mhijiex kollox u kkwota titlu ieħor tas-sit illum.com.mt, jiġifieri li r-riforma meħtieġa fil-PN hija ħafna akbar mill-bidla fl-isem.

Kif żvelat il-gazzetta ILLUM ukoll, Galea insista li l-proposti li qed jipproponi huma “sostanzjali.” Fi kliemu: “kieku kellhom jiġu aċċettati u implimentati tajjeb inħossni fiduċjuż li jagħtu ħajja ġdida lill-partit.”

Galea spjega kif fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar huwa tkellem mad-Deputati kollha u ppreżenta u ddiskuta l-proposti fi tliet sezzjonijiet twal.

“Numru sew mis-suġġerimenti tal-MPs ġew inkorporati fil-proposti. Issa jmiss li d-diskussjoni tgħaddi fi ħdan il-Kumitat Eżekuttiv, imbagħad fl-Assembleji tal-Kunsilliera, biex wara tiġi deċiża fil-Kunsill Ġenerali,” spjega Galea.

Spjega kif bħala parti mill-ħidma tiegħu, issottometta proposti dwar 

  • “ħidma aktar effettiva mill-Grupp Parlamentari; 
  • riformi meħtieġa b’mod urġenti fil-qafas istituzzjonali u politiku biex pajjiżna jirritorna għat-triq ta’ demokrazija sħiħa u governanza tajba; 
  • aġġornament tal-Istqarrija tal-Missjoni tal-partit li tipprovdi l-bażi għall-aġġornament tal-ħsieb u l-politika tal-partit; u 
  • tibdil bl-iskop li l-partit jiġi riorganizzat madwar struttura politika demokratika u effettiva li taħdem permezz ta' tim f'kull livell."

Fil-fatt, Galea qiegħed jipproponi abbozz li jaġġorna l-istatut tal-Partit Nazzjonalista u dan wara diversi diskussjonijiet li kellu.

“Barra minn hekk analizzajt il-kwestjonarju li mlew il-Kumitati Lokali dwar x’jaħsbu li l-partit għandu jagħmel biex jiġġedded, jissaħħaħ u jsir għodda aktar effettiva għall-ġid tal-poplu. Analizzajt ukoll numru konsiderevoli ta’ papers jew rapporti li diversi individwi ġentilment għoġobhom jibgħatuli,” insista Galea.

Temm jgħid li l-proposti li ssottomettejt jien fil-ġimgħat li għaddew huma frott ta’ dan il-proċess ta’ dawn id- diskussjonijiet u riflessjonijiet. 

More in Politika