‘Partit Nazzjonali tal-Poplu’ – L-isem ġdid li qed jipproponi Louis Galea għall-PN

Il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela kif fil-ġimgħat li ġejjin, waqt il-Kunsill Ġenerali, Louis Galea se jkun qed jipproponi bidliet ‘sostanzjali’ għall-Istatut tal-Partit Nazzjonalista

Louis Galea
Louis Galea

Il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela li l-eks Ministru Nazzjonalista, responsabbli mir-riforma tal-Partit Nazzjonalista, Louis Galea qiegħed jipproponi bidliet drastiċi u kbar għall-istatut tal-Partit Nazzjonalista u għadu qed jinsisti bi proposta biex jinbidel l-isem tal-Partit.

Sorsi infurmati sewwa u li raw b’għajnejhom l-emendi li qed jipproponi Galea, żvelaw mal-ILLUM li l-isem il-ġdid li qiegħed jipproponi għall-Partit Nazzjonalista huwa: “Partit Nazzjonali tal-Poplu.”

Tliet sorsi differenti li tkellmu ma' din il-gazzetta kkonfermaw il-ħsieb illi jsiru dawn l-emendi se jkunu fuq nett tal-aġenda ta’ Kunsill Ġenerali importanti li mistenni jsir fil-ġimgħat li ġejjin u li bħalissa għaddejjin il-preparamenti fuqu. 

Minkejja dan, wieħed minn dawn is-sorsi, filwaqt li kkonferma l-isem, saħaq illi dan jista' jkun ukoll li se jintuża bħala l-mod kif ikun indirizzat il-partit, iktar milli l-isem uffiċjali, jiġifieri simili għall-użu ta' Moviment Laburista biex ikun indirizzat il-Partit Laburista.

Persuna oħra li tkellmet mal-ILLUM sostniet illi minkejja li qed issir din il-proposta ma tidhirx li hija popolari fil-partit, jekk xejn għaliex ħafna jħossu li hija kożmetika u mhux se tagħmel differenza.

Fil-fatt l-aħħar persuna li kellimna u li hija viċin Adrian Delia sostniet illi jista' jkun li din il-proposta lanqas biss tgħaddi mill-Eżekuttiv u allura ma tgħaddix għall-approvazzjoni jew diżapprovazzjoni tal-Kunsill Ġenerali.


'L-isem tal-Partit Nazzjonalista sar f’ċirkostanzi storiċi differenti'

“L-emendi li qiegħed jipproponi Galea huma estensivi,” stqarr mal-ILLUM Deputat Nazzjonalista. “Louis Galea ħadem ħafna fuq l-istatut.”

Filwaqt li s-sorsi li tkellmu mal-ILLUM insistew li ċertu proposti, partikolarment dik biex jinbidel l-isem jafu jkunu kontroversjali u jqajmu diskussjoni, b’mod partikolari fost il-partitarji, l-aktar dawk anzjani, insistew li huma bżonjużi biex il-Partit jidher li kapaċi jiġġedded.

“L-isem tal-Partit Nazzjonalista sar f’ċirkostanzi storiċi differenti minn tal-lum,” qalilna eks Ministru Nazzjonalista.

Apparti minn hekk insista wkoll kif filwaqt li f’Malta huwa isem popolari, barra minn Malta mhux dejjem jintlaqa’ tajjeb. “Ikun hemm min iħares lejk b’ċertu xettiċiżmu meta tgħidilhom Partit Nazzjonalista. Jaħsbuna partit tal-lemin estrem.”

Mhux magħuf jekk Galea hux qed jikkunsidra wkoll li tinbidel l-arma tal-Partit Nazzjonalista, għalkemm jekk jinbidel l-isem, x’aktarx li jkun hemm bidla wkoll fl-arma, biss biss, għax fiha, hemm l-inizjali “PN.” Mhux l-ewwel darba wkoll li fl-attivitajiet uffiċjali, il-PN uża disinn aktar modern tal-maduma.

Proċess li diġà għadda minnu l-Partit Laburista

Ta’ min ifakkar li ftit wara li sar Mexxej Laburista, qabel ikkontesta l-ewwel elezzjoni ġenerali tiegħu, Joseph Muscat kien għadda lil dak li kien jissejjaħ il-Malta Labour Party (MLP) minn proċess ta’ tiġdid li biddel għalkollox id-dehra tal-Partit.

Daqshekk Malta Labour Party iżda Partit Laburista. Biddel għal darb’oħra l-arma tal-Partit Laburista, għax ta’ min ifakkar li għall-kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista din inbidlet diversi drabi matul is-snin. L-aħmar telaq kważi għalkollox u beda jispikka l-kulur abjad.

L-Innu tal-Partit Laburista kien kważi ntesa (anke jekk donnu rxoxta fl-aħħar ġimgħat tul il-kampanja għal mexxej ġdid) u kien ilu żmien ma jindaqq fl-attivitajiet u l-mass meetings tal-Partit.

Dan biex ma nsemmux l-ingravata ħamra li ntefgħet fil-kexxun biex minflok daħlet dik ċilesta.

Ma għandniex xi ngħidu. Ma kinux bidliet li ħa gost bihom kulħadd. Kien hemm min iddarras. Iżda jibqa’ l-fatt li kkontribwew biex il-Partit Laburista deher bħala partit li kapaċi jiġġedded, jimxi maż-żminijiet u għalhekk attira votanti ġodda u kiseb ir-riżultati.

Emenda oħra li tfisser it-tmiem ta’ Clyde Puli?

Iżda din mhijiex l-unika emenda li qiegħed jipproponi Louis Galea. L-ILLUM tista’ tikkonferma wkoll li emenda oħra li qiegħed jipproponi hija dik biex l-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, inkluż is-Segretarju Ġenerali ma jkunux Deputati Parlamentari.

Din l-emenda hija importanti fid-dawl tal-fatt li t-terminu ta’ Clyde Puli bħala Segretarju Ġenerali ntemm f’Novembru li għadda u għalhekk il-Kunsill Ġenerali ta’ Mejju, fost karigi oħra, irid jikkonferma jew jagħżel Segretarju Ġenerali ġdid.

Jekk l-emenda ta’ Louis Galea tintlaqa’, ikun ifisser li Clyde Puli ma jkunx jista’ jerġa’ jiġi kkonfermat bħala Segretarju Ġenerali.

Ta’ min ifakkar li l-Partit Nazzjonalista suppost li laqqa’ l-Kunsill Ġenerali tiegħu f’Novembru li għadda, iżda fil-31 ta’ Ottubru, waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, il-Kap tal-Partit Adrian Delia kien ressaq mozzjoni, issekondata minn Puli nnifsu, biex il-Kunsill ikun pospost.

F’Ottubru, il-gazzetta oħt MaltaToday żvelat kif l-eks Ministru u eks Ewroparlamentari Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech, qed ikun imbuttat biex jieħu post Clyde Puli.

Hu stess kien ikkonferma li għadd ta’ membri tal-Partit Nazzjonalista talbuh joħroġ għal Segretarju Ġenerali u li qed jikkunsidra b’serjetà dawn it-talbiet.

More in Politika