'Ir-riforma meħtieġa fil-PN hija ħafna akbar mill-bidla fl-isem' - Ir-reazzjonijiet dwar il-proposta ta' Louis Galea

'Ħela ta' ħin ... ir-riforma trid tkun aktar fonda ... kburi li Nazzjonalist' ; Ir-reazzjonijiet dwar il-proposta biex il-PN ibiddel ismu

Ħafna kienu r-reazzjonijiet li nxterdu fuq il-midja soċjali wara li lbieraħ il-gazzetta ILLUM żvelat kif Louis Galea qed jerġa’ jipproponi isem ġdid għall-Partit Nazzjonalista biex jibda jissejjaħ: ‘Partit Nazzjonali tal-Poplu.’

Anke jekk ir-reazzjonijiet kienu diversi, il-maġġoranza tagħhom kienu kollha kontra din il-proposta, b’Nazzjonalisti jisħqu li l-isem u saħansitra l-arma tal-Partit Nazzjonalista ma għandhomx jitmessu u oħrajn jinsistu li dawn huma biss bidliet kożmetiċi u li l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn bidliet ħafna akbar.

Fost dawn, ikkummenta Sergio Mallia, ġurnalist u anke xandar, inkluż ta’ Net Television, li insista ‘first things first” u li r-riforma meħtieġa fil-Partit Nazzjonalista hija ħafna akbar minn bidla fl-isem.

“L-ewwel il-Partit Nazzjonalista jrid ibiddel il-fehmiet fejn meħtieġ, l-attitudni, l-approach u l-leġittimità,” insista Mallia waqt li kkwota wkoll minn dak li kiteb l-Avukat Bernard Grech (ara iżjed ‘l isfel.)

Kompla jisħaq li jekk il-Partit Nazzjonalista jrid verament ikun ‘Partit Nazzjonali tal-Poplu,” jrid jassigura li l-fehmiet “tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, jitħalltu mal-esperjenza tal-veterani.”

Fil-fatt, wara l-ħatra tal-kabinett il-ġdid, kienu diversi dawk li saħqu li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ jiġġenera lilu nnifsu u filwaqt li japprezza l-esperjenza u l-imħuħ tal-veterani, jattira lejh uċuh ġodda.

Fl-aħħar jiem, tkellmu dwar dan il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista li qiegħed jaħdem u beda proġett biex jattira aktar żgħażagħ lejn il-PN u anke l-kunsillier żagħżugħ Jerome Caruana Cilia.

Anke jekk ma għamilx referenza għall-isem, anke l-Avukat Bernard Grech tkellem dwar ir-riforma fil-Partit Nazzjonalista u insista li din għandha tkun waħda “fonda u sħiħa.”

Grech ukoll saħaq li din għandha tkun intiża li tressaq “demm ġdid u anke demm żagħżugħ.”

L-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono insista li bidla fl-isem tal-PN mhijiex xi ħaġa “essenzjali u importanti.” Bħal ħafna, huwa insista li l-aktar ħaġa importanti huwa li l-Partit Nazzjonalista jibda jattira nies validi, inkluż dawk li fi kliemu “ġew imwarrba inġustament.”

“L-uniku riforma li trid issir hija li min għadda żmienu jwarrab u jħalli l-ispazju u opportunita għal ħaddieħor. Mill-bqija kollu ħela ħin u bżieq. Wara għaxar telfiet, il-Partit Nazzjonalista għadu ma tgħallem xejn u qed jgħix fl-iżball li wasslu hawm anke r-riżultati hekk qed juru,” saħaq Debono.

Intant, ikkummentaw ukoll diversi partitarji tal-Partit Nazzjonalista li ma tantx jidhru lesti li jitilqu l-isem jew inkella l-arma tal-Partit Nazzjonalista.

More in Politika