Filmati | Chetcuti Cauchi jiksbu l-filmat sħiħ tal-ġurnalisti Franċiżi u jgħadduh lill-Maġistrat

Il-kumpanija legali qed tisħaq li dan il-filmat juri li l-programm ried biss juri lil Malta u lill-Maltin bħala nies korrotti

Wara li erba’ xhur ilu, programm televiżiv Franċiż ippubblika filmat li fih rappreżentanti tal-kumpanija legali Chetcuti Cauchi dehru jiftaħru dwar il-ħbiberija tagħhom mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u Julia Farrugia Portelli, dak iż-żmien responsabbli mill-programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment, issa l-avukati qed jisħqu li għandhom f’idhom il-filmat oriġinali.

Kienet il-gazzetta MaltaToday li żvelat dan ilbieraħ, bil-kumpanija Chetcuti Cauchi jippubblikaw stqarrija llum biex jisħqu li dan il-filmat “jiskredita l-aħħar allegazzjonijiet foloz,” liema allegazzjonijiet waslu biex il-kumpanija jkollha l-liċenzja tagħha bħala aġent tal-IIP sospiża.

“Il-programm kien maħsub sabiex juri lil Malta u lill-Maltin bħala nies korrotti. Wara li l-footage oriġinali kien eżaminat flimkien ma’ esperti indipendenti, ħareġ ċar li l-produtturi Franċiżi huma ħatja li b’editing maħsub biex iqarraqriedu jpoġġu lill-avukat f’dawl ikraħ,” saħqet il-kumpanija fi stqarrija.

Waqt li ppubblikaw il-filmati, Chetcuti Cauchi jisħqu li jidher ċar li l-Avukat Malti jinstema’ jiftaħar dwar il-ġurisdizzjoni Maltija, is-sistema legali Maltija u “l-proċeduri trasparenti, selettivi u skond il-liġi li tħaddem id-ditta meta tiġi biex taċetta li taħdem għal klijent u tirrappreżentah.”

Jean-Philippe Chetcuti, li jidher fil-filmat, saħaq li dak li għamel il-programm Franċiż kien attakk fuq il-valuri kruċjali tal-kumpanija, jiġifieri l-etika u l-indipendenza.

“Dawn l-aħħar erba’ xhur għalhekk, iffukajna fuq żewġ prijoritajiet ewlenin: li nkomplu naqdu lill-klijenti tagħna għaliex l-interess primarju tagħna jibqgħu huma; u li niġġieldu sabiex niksbu l-footage oriġinali, għaliex dan biss seta’ juri kemm l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħna kienu foloz,” qal Chetcuti.

Meta ħarġu l-allegazzjonjiet, Chetcuti Cauchi Advocates tat bidu għal proċess ta’ azzjoni ġudizzjarja fil-qorti kriminali Franċiża kontra l-aġenzija Franċiża li pproduċiet il-programm defamatorju. 

F’Diċembru li għadda l-kumpanija Franċiża tat il-footage oriġinali lill-avukati ta’ Chetcuti Cauchi fi Franza. Dan il-filmat, flimkien mar-Rapport lir-Regolatur ta’ l-IIP ippubblikat f’Novembru 2019 ġew mgħoddija lill-maġistrat inkwerenti.

More in Politika