'Ma kien hemm l-ebda indħil politiku fil-programm taċ-ċittadinanza'

Il-Gvern ippubblika r-rapport sħiħ tal-Uffiċċju tar-Regolatur tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment dwar il-każ ta' Chetcuti Cauchi

Il-Gvern ippubblika r-rapport sħiħ tal-Uffiċċju tar-Regolatur tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment, bir-rapport jikkonkludi li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta’ kommunikazzjoni jew indħil bejn Chetcuti Cauchi u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli.

Id-ditta legali Chetcuti Cauchi spiċċat f’nofs kontoversja wara li l-programm Franċiż Enquête Exclusive, ippubblika programm fejn ġurnalist Franċiż mar fl-uffiċini ta' Chetcuti Cauchi biex jistaqsi dwar il-programm taċ-ċittadinanza Maltija. Il-ġurnalist, ippoża daqslikieku kien rappreżentant legali ta’ klijenti Afrikani li kienu interessati li jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.

L-Avukat Malti, Jean-Philippe Chetcuti, jinstema’ jiftaħar fuq kemm għandu relazzjoni tajba mal-Prim Ministru Joseph Muscat, fosthom għax kien l-iskola miegħu. Jinstema’ jsemmi wkoll kif martu hija ħabiba tas-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza, Julia Farrugia Portelli.

Jean-Philippe Chetcuti kien ċaħad l-allegazzjonijiet kollha li saru fil-konfront tiegħu. Il-liċenzja tad-ditta bħala Aġent tal-IIP kienet ġiet sospiża.

Fir-rapport, ippubblikat kollu kemm hu, ir-Regolatur jisħaq li mhux minnu li l-applikazzjonijiet kollha li saru minn Chetcuti Cauchi ġew approvati, tant li jirriżulta li 16% tal-applikazzjonijiet tagħha ġew miċħuda.

L-istess rapport ikompli jgħid li mill-investigazzjoni li saret jirriżulta li Chetcuti Cauchi ma pproċessa l-ebda applikazzjoni f’isem persuni b’passat kriminali.

Ir-rapport jgħid li wara li saret analiżi dettaljata tal-applikazzjonijiet kollha, jirriżulta li l-ebda applikant qatt ma kellu fuqu xi dell ta’ reat kriminali.

Skont ir-rapport, meta ġew eżaminati l-applikazzjonijiet kollha pproċessati (inkluż dawk sottomessi minn aġenti oħra) jirriżulta li kien hemm każ wieħed biss ta’ applikant li kellu sfond kriminali.

Fil-fatt ir-rapport jikkonkludi li “jekk l-allegazzjonijiet li saru mill-preżentatur/narattur tal-programm Franċiż dwar l-istqarrijiet/dikjarazzjonijiet ta’ CCA (Chetcuti Cauchi Advocates) jirriżulta li huma minnhom, ir-Regolatur jista’ jikkonkludi biss lil l-Aġent (CCA) jista’ jkun akkużat li xerred informazzjoni mhux korretta għal raġunijiet li jaf hu biss...”

Jgħid ċar u tond li la l-Prim Ministru Joseph Muscat, la l-Ministru Owen Bonnici u lanqas is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli, ma għamlu xejn ħażin. 

Intant, Farrugia Portelli laqat ir-rapport u talbet analiżi tar-rakkomandazzjonijiet.

Dwar l-istess każ għaddejja inkjesta maġisterjali ordnata mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo wara talba li kienet għamlet Repubblika.

More in Politika