Sospiża l-liċenzja ta' Chetcuti Cauchi għall-bejgħ taċ-ċittadinanza wara ftaħir b'rabtiet mal-Gvern

Arnold Cassola talab ukoll investigazzjoni dwar l-imġieba tal-Ministru Chris Cardona u Konrad Mizzi

Id-ditta legali Chetcuti Cauchi kellhom il-liċenzja tagħhom sospiża milli jkomplu jagħmluha ta' aġenti tal-Programm taċ-Ċittadinanza b'Investiment.

Dan wara li l-programm Franċiż Enquête Exclusive, ilbieraħ ippubblika programm dwar Malta fejn ġurnalist Franċiż mar fl-uffiċini ta' Chetcuti Cauchi biex jistaqsi dwar il-programm taċ-ċittadinanza Maltija. Ġurnalist, ippoża daqslikieku kien rappreżentant legali ta’ klijenti Afrikani li kienu interessati li jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.

L-Avukat Malti jinstema’ jiftaħar fuq kemm għandu relazzjoni tajba mal-Prim Ministru Joseph Muscat, fosthom għax kien l-iskola miegħu. Jinstema’ jsemmi wkoll kif martu hija ħabiba tas-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza, Julia Farrugia Portelli.

Wara dak żvelat, fuq is-sit uffiċjali tal-Programm taċ-Ċittadinanza b'Investiment, tħabbar li l-istess ditta legali kellha l-liċenzja tagħha revokata u għalhekk ma tistax tibqa' aktar aġent ta' dan il-programm.

Cassola jitlob lil Hyzler biex jinvestiga...

Intant, il-kandidat Indipendenti Arnold Cassola, talab lill-Kummissarju għall-Istandards, George Hyzler biex jinvestiga dak żvelat f'parti oħra tal-istess programm.

Luke Chetcuti, iben Hugo Chetcuti, jinstema' jilmenta ma' maniġer ta' lukanda dwar il-konċessjoni mogħtija lil kompetitur fuq il-Bajja ta' San Ġorġ.

"Il-ġimgħa li għaddiet kont qed niekol ma' Chris, il-Ministru għall-Ekonomija," jinstema' jgħid. "Huwa bagħat messaġġ lill-Ministru għat-Turiżmu jgħidlu: għandna ngħinu lill-familja Chetcuti. Lilna dejjem għenuna. Il-Ministru l-ieħor wieġbu li l-bajja kienet pjuttost żgħira iżda issa jara x'jista' jagħmel, jekk tistax titkabbar."

Cassola qed jitlob lil Hyzler biex jinvestiga dan kollu waqt li saħaq li dak li jidher f'dan il-programm huwa ta' tħassib serju.

Luke Chetcuti
Luke Chetcuti

Il-Gvern jiċħad l-allegazzjonijiet u jispjega...

Intant, fi stqarrija maħruġa aktar tard, il-Gvern ċaħad l-allegazzjonijiet kollha li saru b’mod partikolari l-allegazzjonijiet li kien hemm drabi fejn uffiċjali “għalqu għajn waħda,” fl-għoti taċ-ċittadinanza.

Il-Gvern fakkar li l-Programm huma magħmul b’tali mod li l-ebda uffiċjal tal-Gvern ma jista’ jinterferixxi fl-applikazzjonijiet, waqt li insista li s-sistema hija waħda rigoruża ħafna.

Fi stqarrija, il-Gvern insista li 19% tal-applikazzjonijiet li għamlu dawn l-aġenti, ġew irrifjutati.

Saħaq li bħalissa l-applikazzjonijiet kollha li saru minn din id-ditta legali twaqqfu biex issir investigazzjoni.

Dwar allegazzjonijiet li l-Ministru Owen Bonnici kien sieħeb f’din id-ditta, il-Gvern insista li dan mhux minnu anke għax il-Ministru qatt ma kien impjegat jew inkella xi sieħeb f’din id-ditta.

Il-Gvern insista wkoll li ma hemm l-ebda relazzjoni bejn il-Prim Ministru u s-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli ma’ din id-ditta, ħlief li t-tnejn li huma, meta kienu żgħar kienu jużaw l-istess trasport għall-iskola ma’ avukati ta’ din id-ditta.

L-istqarrija tkompli tisħaq li l-ġurnalisti Franċiżi talbu laqgħa ma’ uffiċjali tal-Gvern dwar dawn l-allegazzjonijiet, iżda meta ltaqgħu ma’ Julia Farrugia Portelli ma staqsewha xejn dawn l-istess allegazzjonijiet.

Il-Gvern ċaħad ukoll u ħareġ għonqu kemm għall-Ministru Chris Cardona u anke għall-Ministru Konrad Mizzi, bl-istqarrija tisħaq li l-Ministru għat-Turiżmu ma jistax jagħti konċessjonijiet fuq artijiet.

L-istqarrija ttemm tisħaq li l-Gvern laqa’ l-investigazzjonijiet li jista’ jagħmel il-Kummissarrju George Hyzler.

Aqra wkoll

More in Politika