Metsola titlob li jitwaqqaf il-bejgħ taċ-ċittadinanza wara investigazzjoni minn ġurnalisti Franċiżi

Ġurnalist Franċiż jippoża ta' rappreżentant legali ta' klijenti Afrikani li jridu ċ-ċittadinanza Maltija u jmur jitlob informazzjoni lil Avukat Malti

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola qed tappella biex immedjatament jieqaf il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment u dan wara dokumentarju mxandar fi Franza dwar dan il-bejgħ taċ-ċittadinanza, fost oħrajn.

Fuq Facebook, Roberta Metsola saħqet li dak kollu li “wissejna dwaru” qiegħed iseħħ.

“Dan mhux il-wiċċ li n-nazzjon tagħna għandu jagħti lid-dinja,” saħqet Metsola.

Il-programm Franċiż Enquête Exclusive, ilbieraħ ippubblika programm dwar Malta fejn ġurnalist Franċiż mar fl-uffiċini tad-ditta legali Chetcuti Cauchi biex jistaqsi dwar il-programm taċ-ċittadinanza Maltija.

Ġurnalist, ippoża daqslikieku kien rappreżentant legali ta’ klijenti Afrikani li kienu interessati li jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.

L-Avukat Malti jinstema’ jiftaħar fuq kemm għandu relazzjoni tajba mal-Prim Ministru Joseph Muscat, fosthom għax kien l-iskola miegħu.

Jinstema’ jsemmi wkoll kif martu hija ħabiba tas-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza, Julia Farrugia Portelli.

F’ħin minnhom, il-ġurnalist iwissi lill-Avukat Malti kif wieħed “mill-klijenti,” jista’ jkun li għandu “rekord kriminali.”

L-Avukat iwieġeb li l-awtoritajiet jistgħu jirriġettaw applikazzjonijiet iżda jistgħu wkoll “jagħlqu għajn waħda.”

Jispjega kif hu jista’ jipprovdilhom informazzjoni ulterjuri li tista’ tgħin lill-klijent.

More in Politika