L-avukat ta' Chetcuti Cauchi jikser is-silenzju ... Jiċħad li talab l-għajnuna ta' politiċi

Filwaqt li qal li se jħallu l-awtoritajiet jaħdmu, talab biex ir-reviżjoni tal-liċenzja tagħhom issir malajr kemm jista' jkun

Id-Ditta Legali Chetcuti Cauchi kisret is-silenzju biex fi stqarrija ċaħdet l-allegazzjonijiet kollha fil-konfront tagħha u biex tisħaq li qatt ma kisret il-liġi.

Fi stqarrija, Jean-Philippe Chetcuti saħaq li d-ditta legali dejjem ħadmet b’mod professjonali u b’mod etiku waqt li insista li qed jikkoperaw mal-awtoritajiet.

“Ma għandna l-ebda problema li niftħu l-bibien tagħna għall-iskrutinju tal-istituzzjonijiet pubbliċi. Ħalluhom jagħmlu dak li tobbligahom il-liġi,” saħaq l-Avukat.

Talab biss biex ir-reviżjoni tal-liċenzja tagħhom issir fl-inqas żmien possibbli għax fi kliemu l-familji tal-140 impjegat tagħhom jinsabu fin-nofs.

Id-ditta legali spiċċat f’nofs kontoversja wara li l-programm Franċiż Enquête Exclusive, ippubblika programm fejn ġurnalist Franċiż mar fl-uffiċini ta' Chetcuti Cauchi biex jistaqsi dwar il-programm taċ-ċittadinanza Maltija. Ġurnalist, ippoża daqslikieku kien rappreżentant legali ta’ klijenti Afrikani li kienu interessati li jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.

L-Avukat Malti, li issa huwa kkonfermat li kien Jean-Philippe Chetcuti, jinstema’ jiftaħar fuq kemm għandu relazzjoni tajba mal-Prim Ministru Joseph Muscat, fosthom għax kien l-iskola miegħu. Jinstema’ jsemmi wkoll kif martu hija ħabiba tas-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza, Julia Farrugia Portelli.

Wara dawn l-allegazzjonijet, id-ditta legali kellha l-liċenzja tagħha, bħala aġent tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment, sospiża.

Jean-Philippe Chetcuti insista li filwaqt li lest iwieġeb il-mistoqsijiet kollha tal-midja, għalissa jippreferi li jħalli l-istituzzjonijiet jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom.

Saħaq li għalissa jista’ biss jiċħad li wiegħed xi vantaġġ legali għall-klijenti u li tkellem ma’ politiċi biex jintervjenu.

Kompla jgħid li huwa fatti ħadd mill-klijenti, tad-ditta tiegħ,u li l-applikazzjoni tagħhom kienet irriġettata ma’ ngħata ċ-Ċittadinanza.

Stqarr ukoll li qatt ma aċċetta klijenti b’rekord kriminali u li ħadd mill-klijenti tagħhom ma kellu ċ-ċittadinanza revokata minħabba reati kriminali li wettqu wara li kisbu l-passaport Malti.

More in Politika