Filmati | L-Avukat Ġenerali jgħaddi l-inkjesta Egrant lill-Kap tal-Oppożizzjoni

Wara d-deċiżjoni tal-Qorti Adrian Delia qed jisħaq li l-Avukat Ġenerali kiser il-Kostituzzjoni tal-pajjiż u għalhekk insista li għandu jirriżenja immedjatament

Adrian Delia bir-rapport Egrant. Ritratt | Net News
Adrian Delia bir-rapport Egrant. Ritratt | Net News

Dritt malli l-Qorti tal-Appell iddeċidiet li Adrian Delia għandu jingħata kopja tal-inkjesta Egrant, il-Kap tal-Oppożizzjoni, akkumpanjat minn Deputati Nazzjonali baqa' sejjer għand l-Avukat Ġenerali biex jingħata kopja.

Madanakollu l-Avukat Ġenerali insista mal-Kap tal-Oppożizzjoni li għandu ċans jumejn biex jobdi l-ordni tal-Qorti u għaldaqstant Delia kellu jitlaq b'idu f'idu, minkejja li insista biex jingħata r-rapport minnufih.

Iżda aktar tard l-Avukat Ġenerali għadda kopja uffiċjali u ċertifikata tal-inkjesta lill-Kap tal-Oppożizzjoni għall-ħabta tas-2:30pm u dan ġie kkonfermat fi stqarrija uffiċjali.

'L-Avukat Ġenerali kiser il-Kostituzzjoni...għandu jirriżenja'

Aktar kmieni, f'kummenti minn quddiem il-Qorti, il-Kap Nazzjonalista saħaq li l-ogħla Qorti f'Malta sabet li l-Avukat Ġenerali kiser id-drittijiet fundamentali tal-Kap tal-Oppożizzjoni u ħoloq żbilanċ politiku meta ma tahx ir-rapport Egrant.

"Għandna sitwazzjoni fejn l-Avukat Ġenerali kiser il-Kostituzzjoni ta' pajjiżna. L-Avukat Ġenerali għandu jirriżenja immedjatament," insista Delia. "Ma jistax ikollna pajjiż demokratiku fejn ikun hemm is-seperazzjoni tal-poteri u s-saltna tad-dritt mhux mittiefsa meta jkollok Avukat Ġenerali li jinstab mill-Qorti Kostituzzjonali li kiser il-Kostituzzjoni meta xogħlu huwa li jiddefendi dik l-istess Kostituzzjoni."

Aktar tard, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li wara li l-Avukat Ġenerali Peter Grech ilu sentejn jirreżisti li jippubblika r-rapport tal-inkjesta Egrant, minkejja l-ordni tal-Qorti, "għażel li jibqa' jikser il-Kostituzzjoni," meta talab jumejn oħra ċans biex jgħaddi r-rapport.

Anke jekk il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jingħata kopja tar-rapport sħiħ, il-Qorti saħqet li dan ma għandux ikun ippubblikat.

Madanakollu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li talab lill-Kummissarju għal-Liġijiet biex jistudja mod kif l-inkjesta tkun ippubblikata bis-salvagwardji kollha.

More in Politika