Il-Qorti tiddeċiedi li Adrian Delia għandu jingħata kopja tar-rapport Egrant

Madanakollu l-Qorti insistiet li dan ma għandux jiġi ppubblikat

Il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għandu jingħata kopja tar-rapport sħiħ dwar l-inkjesta Egrant iżda saħqet ukoll li dan ma għandux ikun ippubblikat.

Il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul taw din id-deċiżjoni dalgħodu wara li kien il-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu li talab il-pubblikazzjoni waqt li saħaq li qed jinkisrulu d-drittijiet tiegħu.

Delia dejjem insista li l-Oppożizzjoni tpoġġiet fi żvantaġġ politiku meta ma ngħatatx kopja tar-rapport sħiħ.

L-ewwel Qorti ma kinitx laqgħet it-talba iżda Delia appella din id-deċiżjoni.

Il-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant kienu ġew ippubblikati s-sena li għaddiet iżda sa issa, l-Avukat Ġenerali rrifjuta li jippubblika r-rapport sħiħ, anke jekk il-Prim Ministru ngħata kopja.

Kien Joseph Muscat innifsu li talab inkjesta pubblika dwar Egrant wara li Daphne Caruana Galizia kienet allegat li din il-kumpanija kienet ta’ martu Michelle Muscat.

Fil-konklużjonijiet, il-Maġistrat Aaron Bugeja (illum Imħallef), kien iddikjara li ma sabx provi li jorbtu din il-kumpanija mal-Prim Ministru jew xi ħadd minn familtu.

L-Avukat Ġenerali dejjem insista li minħabba n-ntura delikata kostituzzjonali, kien ħa d-deċiżjoni li jgħaddi kopja lill-Prim Ministru, iżda insista li dan ma jfissirx li huwa obbligat jippubblika r-rapport.

More in Politika