Il-PM se jitlob li jkun ippubblikat ir-rapport tal-inkjesta Egrant iżda bis-salvagwardji meħtieġa

Muscat talab lill-Kummissarju tal-Liġijiet biex jissuġerixxi mod kif ir-rapport Egrant jista jiġi ippubblikat mingħajr ma jinħolqu preġudizzji jew jissemmew persuni li ma għandhomx x'jaqsmu

Il-Prim Ministru uxxenti Joseph Muscat talab lill-Kummissarju tal-Liġijiet l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi biex jistudja s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali mogħtija llum u jissuġerixxi mod kif ir-rapport Egrant jista jiġi ippubblikat mingħajr ma jinħolqu preġudizzji fl-investigazzjonijiet u fejn jidħlu dettalji privati ta’ persuni li m'għandhomx x’jaqsmu mal-każ.

Dalgħodu, il-Qorti Kostituzzjonali emendat id-deċiżjoni tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u kkonkludiet li r-rapport tal-Inkjesta Egrant m’għandux jiġi ppubblikat fl-intier tiegħu iżda l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jingħata kopja.

Minkejja din id-deċiżjoni, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fi stqarrija, saħaq li minkejja l-konsiderazzjonijiet legali, kif kien qal sa mill-ewwel ġurnata li ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali, il-Prim Ministru għadu favur li r-rapport sħiħ jiġi ppubblikat.

L-Avukat Ġenerali kien tal-parir li r-rapport sħiħ m’għandux jiġi ppubblikat bil-għan li ma jkunux ippreġudikati l-investigazzjonijiet li għaddejjin fuq il-fatti li stabilixxa l-Maġistrat kif ukoll biex ma joħorġux id-dettalji privati ta’ persuni li mhumiex fil-ħajja pubblika u/jew li m’għandhomx x’jaqsmu mal-każ.

Il-konklużjonijiet tal-istess inkjesta maġisterjali kienu ġew ippubblikati fit-22 ta’ Lulju 2018, bil-Maġistrat Aaron Bugeja (illum Imħallef) jgħid li ma sabx provi li jorbtu lill-kumpanija Egrant mal-Prim Ministru jew il-famlija tiegħu.

Aktar dettalji:

More in Politika