Theuma jkompli jikkonferma li Yorgen Fenech kien ikun infurmat bid-dettalji tal-investigazzjoni

Jgħid ukoll li jinsab ċert li l-informazzjoni kien jagħtihielu Keith Schembri, anke għax darba qallu Yorgen stess

Dalgħodu, Melvin Theuma kompla jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra t-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia fejn instemgħu għall-ewwel darba r-recordings tal-konverżazzjonijiet bejn l-aħwa Degiorgio u Melvin Theuma.

L-Avukat Jason Azzopardi għamillu wkoll diversi domandi li fiċ-ċentru tagħhom kien hemm Keith Schembri, b'Theuma jikkonferma li Yorgen Fenech kien ikun infurmat b'dettalji importanti mill-investigazzjoni u qal ċar u tond li kien ċert li l-informazzjoni kien qed jgħaddiha l-eks Chief of Staff.

Forsi l-punt l-aktar kruċjali tal-lum jibqa' li Yorgen Fenech kien jaf li l-Pulizija għandhom f'idhom il-messaġġ li attiva l-bomba. Dan ifisser li min kien qed jinforma lil Yorgen Fenech, kien jaf li Fenech kien il-mandant ħafna qabel tefgħu għajnejhom fuqu l-investigaturi

Theuma, li huwa l-intermedjarju li ngħata l-maħfra Presidenzjali biex jgħaddi l-informazzjoni kollha li jaf, beda x-xhieda tiegħu l-ġimgħa li għaddiet. Huwa qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat li nhar is-16 ta' Ottubru tal-2017 qatlu lil Daphne Caruana Galizia.

F'wieħed mir-recordings tat-telefonati li nstemgħu fil-Qorti, Alfred Degiorgio jitlob il-flus lil Melvin Theuma u anke l-għajnuna biex jingħataw il-ħelsien mill-arrest. Fil-bqija tar-recordings, Theuma u Degiorgio jitkellmu biss biex jistaqsu lil xulxin kif inhuma.

   ‘Se nagħmel l-aħjar li nista’ – Schembri lil Fenech dwar il-bail

'Yorgen qalli li l-Kabinett kien qed jiddiskuti l-maħfra Presidenzjali għal Muscat

Qabel bdew jinstemgħu r-recordings tat-telefonati, Melvin Theuma xehed li darba fost l-oħrajn, Yorgen Fenech (l-allegat mandant) qallu li l-kabinett kien qiegħed jiddiskuti l-maħfra Presidenzjali li kien talab Vince Muscat.

Skontu, Fenech dejjem insista miegħu li Vince muscat, kien qed jitkellem mal-Pulizija u kien qed jitlob il-proklama.

Jason Azzopardi jistaqsih dwar Keith Schembri...

L-Avukat Jason Azzopardi għamel sensiela ta' domandi lil Melvin Theuma. Fiċ-ċentru ta' kull domanda kien hemm Keith Schembri u l-laqgħa li kellu miegħu Kastilja.

Staqsih jekk ħassux stramb li kien qed ikun trattat hekk mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Jekk qallux xi ħaġa Keith Schembri. 

Theuma qal li jiftakar biss li kien hemm ħafna pitturi mwaħħla mal-ħajt u li l-laqgħa ma damitx aktar minn ħames minuti.

"Għidtilhom li jiena kelli taxi u kelli mmur ix-xogħol," insista Theuma.

Kien jaf ukoll li l-Pulizija saru jafu bil-messaġġi li attivaw il-bomba

Melvin Theuma xehed ukoll kif ġimgħat wara li seħħ il-qtil, Yorgen Fenech qallu li l-Pulizija rnexxielha tasal għall-messaġġi li ntużaw biex jattivaw il-bomba fil-bidnija nhar is-16 ta' Ottubru 2016.

Dan ifisser li Yorgen Fenech kien ilu jkun infurmat dwar l-investigazzjonijiet tal-Pulizija minn ħafna qabel ġew arrestati t-tlett irġiel u minn ħafna qabel tefgħu għajnejhom fuqu l-investigaturi. Fis-smigħ tal-ġimgħa li għaddiet sirna nafu wkoll li Yorgen Fenech kien jaf bir-rejds li se jsiru.

  Schembri kien jattendi l-laqgħat kollha dwar il-qtil ta' Daphne​

Mistoqsi min jaħseb li kien qed jgħaddi l-informazzjoni lil Yorgen Fenech, Melvin Theuma wieġeb: "Naħseb mingħand Keith Schembri."

'Keith Schembri kien jgħidlu...'

L-Avukat Jason Azzopardi staqsa lil Theuma kif Yorgen kien infurmat li l-Koħħu (Vince Muscat) kien qed jitkellem mal-Pulizija.

"Ovvjament għax Keith (Schembri) qallu," insista Theuma." Yorgen qalli hu stess li kien Schembri kien qed jgħinu. Keith kien jagħmel minn kollox biex jiddefendi lil Yorgen."

Aktar tard, meta mistoqsi wkoll dwar l-ittra li kien kiteb u li fiha implika lil Schembri, Theuma tenna li Schembri qatt ma kellmu fuq il-qtil, iżda insista li darba Yorgen kien qallu li kien Keith Schembri li qed jgħaddilu l-informazzjoni.

Keith Schembri ma' Melvin Theuma
Keith Schembri ma' Melvin Theuma

Azzopardi jfakkar lil Theuma li Schembri jissemma ħafna drabi fir-recordings, b'Theuma jtenni li dak iż-żmien kien qed jibża' li se jeliminawh.

Iż-żjara ta' Kenneth u Johann mill-OPM

L-Avukat Jason Azzopardi kompla jistaqsih dwar il-laqgħa li kellu ma' Kenneth Camilleri u Johann Cremona mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fid-dar tiegħu fl-2018.

Huwa qal li Camilleri urih lista b'numri tal-mowbajls, fosthom tal-mowbajl l-antik tiegħu.

Skont Theuma, Camilleri qallu: "inti l-moħħ wara l-qtil ta' Daphne," iżda insista li hu ċaħad minnufih.

Meta marru għandu, Kenneth għamel telefonata. "Nassumi li ċempel lil Keith. Nassumi," insista Theuma.

Kien hawn li Camilleri qallu dwar il-ħelsien mill-arrest u l-pagament ta' miljun ewro kull wieħed li kellhom jirċievu t-tlett irġiel.

Theuma kien jaf li se jarrestawh

Theuma qal ukoll fil-Qorti li kien jaf minn xahar qabel li l-Pulizija kienu se jarrestawh b'rabta ma' investigazzjoni fuq il-ħasil ta' flus.

"Kien qalli Johann Cremona," insista Theuma.

'Darba Yorgen qalli li t-telefonati kienu qed jiġu interċettati'

Qabel bdew jinstemgħu r-recordings tat-telefonati Melvin Theuma xehed kif darba minnhom Yorgen Fenech qallu li t-telefonati tagħhom kienu qed jiġu interċettati.

"Darba semmejt il-kelma 'tradiment' meta t-telefonati kienu qed jiġu interċettati. Yorgen bagħtli messaġġ u qalli biex inċempillu u nerġa' nsemmi l-kelma 'tradiment' fil-kuntest li t-taxi tiegħi ma tħallitx tidħol Portomaso," qal Theuma.

'Kif qatlu lil Daphne, kienu joqtlu lili wkoll'

Oriġinarjament, kompla jispjega Theuma, kien semma l-kelma 'tradiment' għax kien qed jibża' għal ħajtu. Qal li kien jemmen li Fenech u Keith Schembri kienu qed jaraw kif se jitfawh il-ħabs jew inkella joqtluh.

"Kif qatlu lil Daphne, kienu joqtlu lili wkoll," qal Theuma.

Melvin Theuma kien jgħaddi l-flus lil ħu l-aħwa Degiorgio

Aktar qabel, Melvin Theuma spjega kif kien jgħaddi l-flus lill-aħwa Degiorgio meta kienu l-ħabs. Qal li meta sar jaf lil ħu l-aħwa Degiorgio, jiġifieri Mario Degiorgio, ma kellux għalfejn jibqa' juża l-ħaddieħor  u beda jagħtih il-flus direttament. Kien saħansitra jixtri l-ikel għall-aħwa Degiorgio biex jeħduhulhom il-ħabs.

Spjega kif darba bgħatlu messaġġ u qallu li kellu bżonn €15,000. Kien bagħtomlu ma' David Baldwin (ara aktar 'l isfel).

Jgħid li Mario Degiorgio kien jagħtih irċevuti u kien iżommhom kollha. Meta mistoqsi għaliex, wieġeb li kien jagħmel dan biex Yorgen Fenech ma jaħsibx li kien qed jieħu xi flus għalih.

Fil-Qorti ppreżenta irċevuti ta' €25,000, €4,000 u €50,000 u ammonti oħra.

Aktar kmieni, xehdu  diversi persuni li magħhom Melvin Theuma kien jgħaddi l-flus għall-aħwa Degiorgio

Tixhed bint is-sieħba ta' Theuma

L-ewwel ma xehdet illum kienet bint is-sieħba ta' Melvin Theuma li meta mistoqsija instistiet li ma taf xejn dwar dan il-każ ħlief dak li semgħet mill-aħbarijiet.

Qalet biss li darba, meta Theuma kien imsiefer talabha tmur tgħaddi €15,000 lil ċertu David Baldwin. Iltaqgħet miegħu l-Marsa iżda insistiet li la kienet taf għaliex qed tagħtih il-flus u wisq inqas minn kien.

Baldwin ukoll jgħid li ma kienx jaf għaliex ħa l-flus

Wara xehed ukoll l-istess David Baldwin li fil-Qorti spjega kif kien ilu ħafna jaf li Melvin Theuma mit-tiġrijiet taż-żwiemel.

Ikkonferma wkoll li kien ġabar il-flus iżda insista li ma kienx jaf għaliex kellu jiġborhom jew x'kienu.

Qal biss li Melvin kien tah struzzjonjiet biex jgħaddi dawn il-flus lil raġel li kellu jkun qed jistennih f'karozza. Insista li kollox seħħ malajr, f'inqas minn minuta. Jisħaq li lir-raġel ma jafux u lanqas jiftakar ismu.

Jixhed raġel ieħor li miegħu Theuma kien jgħaddi l-flus...

Xehed ukoll Lawrence Pace, magħruf bħala l-Lolly, li spjega kif Melvin Theuma, fil-bidu tal-2018, kien jagħtih €300 biex jagħtihom lil ċertu Joseph Brincat magħruf bħala s-Sukku. 

Insista li b'kollox irċieva madwar €1,500 mingħand Theuma. 

Pace saħaq li hu jemmen li s-Sukku kien jgħaddi dawn il-flus lill-familja Degiorgio. Dan kollu seħħ fi żmien li fih l-aħwa Degiorgio u Muscat jinsabu arrestati fil-ħabs.

Irċevuta b'Kordin miktuba fuqha...

Kien imiss lis-Sukku biex jixhed. Anke hu qal li ma kienx jaf x'kienu l-flus u lanqas kien jinteressah. Qal biss li kien jgħaddihom lil ċertu 'Marju.'

Dan kien jagħtih irċevuta, bl-ammont u fuqha kien ikun hemm miktub 'Kordin.'

CD bit-telefonati ta' Degiorgio...

Ix-xhud li jmiss kien Clint Zahra li ppreżenta fil-Qorti żewġ CDs bit-telefonati li Alfred u George Degiorgio għamlu mill-ħabs.

Dawn huma l-punti ewlenin li ħarġu mix-xhieda tal-ġimgħa li għaddiet.

  • Jiem wara li qallu bil-pjan biex joqtlu lil Daphne, Yorgen Fenech jgħid lil Theuma li kien se jkollu laqgħa ma' Keith Schembri
  • Il-laqgħa kellu jorganizzaha Sandro Craus, l-assistent personali tal-PM
  • Melvin Theuma jingħata xogħol mal-Gvern
  • Il-pjan ikun sospiż meta titħabbar l-elezzjoni
  • Fenech jgħidlu biex ikomplu bil-pjan dakinhar tar-riżultat tal-elezzjoni tal-2017
  • Melvin Theuma jgħid li Yorgen Fenech huwa l-mandant
  • Yorgen Fenech kien jaf minn qabel li se jsir rejd fit-tinda tal-patata
  • Wara l-arrest tat-tlett irġiel, Melvin Theuma beda jibża' li Yorgen se jeliminah
  • Theuma jikteb ittra u fiha jimolika wkoll lil Keith Schembri iżda jisħaq li għamel dan biss għax Fenech u Schembri kienu ħbieb
  • Jiltaqa' ma' uffiċjal tas-sigurtà tal-Prim Ministru u jgħidlu li l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat kellhom jirċievu miljun ewro kull wieħed meta jingħataw il-ħelsien mill-arrest

More in Politika