Melvin Theuma jikteb ittra u fiha jisħaq li Keith Schembri u Yorgen Fenech kienu kompliċi

Madanakollu fl-investigazzjoni, Melvin Theuma jgħid li semma lil Schembri biex ibeżża' lil Yorgen Fenech

Melvin Theuma kiteb ittra u fiha jsemmi kemm lil Yorgen Fenech u anke lil Keith Schembri bħala l-mandanti tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Din l-ittra, miktuba bl-idejn u li ġiet ippubblikata llum minn The Times of Malta, jidher li nstabet fid-dar ta’ Yorgen Fenech f’Portomaso u li fiha l-allegat intermedjarju jisħaq li kien qed jibża’ li għaddej pjan biex hu jiġi eliminat.

Fil-fatt, skont il-ġurnal, Theuma kien kiteb din l-ittra u żammha flimkien mar-recordings u r-ritratt tiegħu ma’ Keith Schembri (ippubblikat din il-ġimgħa mill-MaltaToday) f’Kastilja biex f’każ li jinqatel, xorta waħda toħroġ l-istorja kollha.

Madanakollu, The Times tikkwota sorsi jgħidu li meta interrogat u mistoqsi dwar l-ittra, Melvin Theuma qal li kitibha biex “ibeżża’” lil Yorgen Fenech u meta ppressat dwar Keith Schembri huwa qal li ma setax jipprova li l-eks Chief of Staff kien involut fil-każ.

Yorgen Fenech ukoll qed jimplika lil Keith Schembri fil-qtil u qed jisħaq li għandu recordings li juru dan.

Fl-istess ittra, Theuma jgħid li Keith Schembri kien tah xogħol mal-Gvern iżda dan ġie tterminat meta “inqeda spiċċajt barra.”

More in Politika