'Bir-regoli preżenti kumpaniji żgħar u pajjiżi żgħar bħal Malta jinsabu żvantaġġati' - Agius Saliba

L-MPE Agius Saliba jipproponi miżuri li jipproteġu l-ħaddiema Maltin u Għawdxin f’każ ta’ sensji

Alex Agius Saliba
Alex Agius Saliba

Waqt kumitat Ewropew tax-xogħol u affarijiet soċjali, il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba ppropona emendi fir-regolamenti attwali Ewropej li jassistu lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin f’każ ta’ sensji.

Preżentament, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jipprovdi l-assistenza finanzjarja lil persuni li jkunu tilfu xogħlhom minħabba bidliet strutturali kbar tal-globaliżazzjoni. Meta kumpanija kbira tagħlaq, inkella tieħu l-produzzjoni tagħha f’pajjiż barra mill-Unjoni Ewropea jew ikun hemm kriżi ekonomika u finanzjarja mondjali, l-UE tuża dan il-fond biex jgħin lill-ħaddiema li jkunu tkeċċew. Skont l-MEP Laburista, ir-regolamenti marbuta ma' dan il-mekkaniżmu qed jimponu żvantaġġ fuq kumpaniji żgħar u fuq pajjiżi żgħar bħal Malta.

“Il- Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa mekkaniżmu Ewropew ta’ solidarjetà li jintuża meta jkun hemm bżonn. Il-fond jiffinanzja proġetti differenti li jgħinu lill-ħaddiema sabiex isibu post tax-xogħol ġdid jew inkella jiftħu n-negozju tagħhom. Sfortunatament, ir-regoli preżenti qed jimponu żvantaġġ fuq kumpaniji żgħar u fuq pajjiżi żgħar bħal Malta.”, sostna  Agius Saliba.

Żied jgħid  li minħabba d-daqs tal-kumpaniji Maltin u Għawdxin, dawn qatt ma jista’ jkunu eleġibli biex jibbenefikaw mir-regolamenti Ewropej attwali. Ir-reviżjoni tal-fond hija opportunità eċċellenti biex titneħħa din il-problema u tkun indirizzata din ir-realtà ta’ stati membri żgħar.

Il-Membru Parlamentari Ewropew saħaq li sensja ta’ 500 persuna fi stat membru kbir għandha tkun trattata l-istess bħal sensja ta’ 50 persuna fi stat membru żgħir. F"’każ li dan jiġri, l-impatt fuq ix-xogħol u l-ekonomija ta’ pajjiżna jkun wieħed negattiv ferm u b’hekk ikun hemm bżonn li jibbenefikaw minn dan il-fond."

Fl-aħħar nett Agius Saliba qal li se jkun qiegħed jiddiskuti mal-Kummissjoni Ewropea sabiex dan il-fond ikun aktar aċċessibli biex jindirizza sfidi ġodda.-

More in Politika