Il-President Spiteri Debono titlob li l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu

B'reazzjoni għad-diversi kummenti u attakki, il-President ta' Malta Myriam Spiteri Debono, talbet biex l-istituzzjonijiet, partikolarment il-qrati u l-ġudikanti tagħha, jitħallew 'jagħmlu xogħolhom fis-serenità'

Il-President Myriam Spiteri Debono
Il-President Myriam Spiteri Debono

Fi stqarrija rari mill-President tar-Repubblika, il-President Myriam Spiteri Debono talbet rażan u kawtela.

“Żgur ma jsirx ġid jekk inħallu lsienna jiġri bina u l-emozzjonijiet jitilgħu għal rasna. B’aġir bħal dan tittappan ir-raġuni,” hija saħqet.

Spiteri Debono insistiet li hemm ħtieġa qawwija illi ħadd ma jaqbeż il-limiti tal-prudenza flimkien mal-ħtieġa li nħallu s-sitwazzjonijiet jimmaturaw.

Fil-konfront tan-numru ta’ kummenti minn dawk akkużati, inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, il-President fakkret kif il-liġijiet Maltin jipprovdu diversi rimedji għal min iħoss illi ikun ġie inġurjat u jkunu saru xi preġudizzji fil-konfront tiegħu jew tagħha.

“Dan jinkludi wkoll istanzi fejn individwu jew individwi jidhrilhom illi jkunu ġew diskriminati, imċaħħda minn xi dritt jew addirittura jidhrilhom li proċessi ġudizzjarji li jolqtuhom kienu b’xi mod difettużi,” żiedet tgħid.

Minħabba f’hekk hija talbet li l-istituzzjonijiet, partikolarment il-qrati u l-ġudikanti tagħha, jitħallew “jagħmlu xogħolhom fis-serenità.”

Hawn il-President alludiet għall-kummenti, u l-attakki, tal-Partit Laburista fuq il-Qorti, partikolarment fuq il-ġudikatura.

Hija temmet l-istaqrrija b’talba għal atmosfera serena u kalma, għax hija atmosfera bħal din li tkun ”benefiċċju għal dawk kollha involuti jew b’xi mod milquta.”

More in Politika