Probation ta' tliet snin wara li jinqabad jisraq minn karozzi pparkjati fil-Fgura

L-iżblokk fil-każ seħħ ilbieraħ hekk kif Pulizija mit-taqsima Rapid Intervention Unit sabu lill-akkużat rieqed ġo karozza f’għalqa.

Raġel ta’ 29 sena minn Bormla tpoġġa taħt probation għal perjodu ta' tliet snin wara li nqabad jisraq minn vetturi pparkjati fil-Fgura f’Ġunju li għadda.

L-Ispettur Sarah Zerafa spjegat lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li l-Pulizija kienet irċeviet rapport ta’ serq minn karozzi pparkjati fil-Fgura. Skont filmati elevati mill-kameras tas-sigurta. Żewġt irġiel dehru jisirqu mill-istess karozzi, b’wieħed minnhom saħansitra jkisser ħġieġa ta’ karozza u jgħaddi l-affarijiet misruqa lill-kompliċi tiegħu.

L-iżblokk fil-każ seħħ ilbieraħ hekk kif Pulizija mit-taqsima Rapid Intervention Unit sabu lill-akkużat rieqed ġo karozza f’għalqa. Waqt l-arrest instab ukoll ammont żgħir ta’ droga kannabis.

Ir-raġel wieġeb ħati għall-akkużi ta’ serq aggravat u pussess tad-droga kannabis.

Fis-sottomissjoni tiegħu, l-avukat Simon Micallef Stafrace, qal lill-qorti li r-reati tar-raġel ma kinux serji għaliex dan seraq biex isostni l-vizzju tad-droga. 

Fis-sentenza tagħha l-Qorti poġġiet l-akkużat taħt probation ta’ tliet snin bil-konsegwenza li jekk jwettaq reat ieħor jintbgħat 14-il xahar ħabs. Huwa kien immultat ukoll € 70 għall-pussess tad-droga kannabis.

More in Politika