Ħallas it-tessera eżatt wara li mar jippreżenta l-firem

Sorsi mill-Partit Nazzjonalista jikkonfermaw mas-sit illum.com.mt li Ivan Bartolo kien ilu sentejn ma jħallas it-tessera

L-eks kandidat Nazzjonalista Ivan Bartolo kien ilu sentejn ma jħallas it-tessera tal-Partit Nazzjonalista u għamel dan biss wara li daħħal l-ittra b’200 firma biex jissejjaħ Kunsill Ġenerali Straordinarju biex jivvota dwar il-futur tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.

Sorsi infurmati mill-Partit Nazzjonalista kkonfermaw mas-sit illum.com.mt li Bartolo ħallas it-tessera tiegħu tal-Partit Nazzjonalista wara li indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet quddiem id-Dar Ċentrali flimkien ma’ erba’ attivisti oħra tal-Partit Nazzjonalista.

Dan is-sit ipprova jagħmel kuntatt ma’ Bartolo iżda qalilna li ma jistax iweġibna għax saħaq li qed jipprova jlaħħaq mal-ħafna xogħol li għandu. Minkejja dan, xorta waħda bgħatna nistaqsuh jekk jikkonfermax dan. Sal-ħin li morna għall-pubblikazzjoni, Bartolo baqa’ ma weġibniex.

Skont stqarrija ppubblikata aktar kmieni llum, il-Partit Nazzjonalista spjega kif 55 minn dawk li ffirmaw il-petizzjoni kienu ilhom ma jħallsu t-tessera tagħhom mis-sena li għaddiet, jew mill-2017. Dawn kienu jinkludu tlieta mill-ħames membri li ppreżentaw il-petizzjoni.

Mhux Bartolo biss ma kienx ħallas it-tessera

Dan is-sit jista’ jikkonferma li apparti Ivan Bartolo, anke s-Segretarju Ġenerali tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, Emma Portelli Bonnici u l-Viċi President tal-Forum tal-Professjonisti tal-PN, Martin Musumeci, ħallsu t-tessera tagħhom wara li ġew ippreżentati l-firem.

Aktar kmieni llum, il-Partit Nazzjonalista spjega kif 84 minn 200 firma li ġew ippreżentati lill-President tal-Kunsill Ġenerali kienu fil-fatt, jew invalidi jew bis-sħubija tagħhom mhux aġġornata.

Minn dawn, apparti l-55 bit-tessera mhux imħallsa, 23 persuna ma kellhom l-ebda dritt jiffirmaw bħala Kunsillieri, filwaqt li ħames firem ma kinux validi. Kien hemm każ ukoll fejn l-isem u l-kunjom ta' persuna ma qablux mal-karta tal-identità.

Madanakollu, minkejja li dawk li ma ħallsux it-tessera ta’ din is-sena għandhom ċans sitt xhur oħra biex jagħmlu dan, il-150 firma neċessarja biex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali ntlaħqu xorta waħda.

Aqra wkoll dak li qalu l-firmatarji dalgħodu fi stqarrija mibgħuta lill-midja minn Ivan Bartolo stess.

More in Politika