L-istatut jgħid ċar li min ma jibqax tesserat fil-partit jispiċċa minn kull kariga

Il-PN jgħid li numru kbir ta’ petizzjonijiet kienu invalidi. Jew mhux aġġornata

 

Fi stqarrija ppubblikata ftit tal-ħin ilu l-Partit Nazzjonalista kompla jisħaq li, “filwaqt li jibqa' jgħożż il-valuri tad-demokrazija, s-saltna tad-dritt, il-ġustizzja u l-libertà tal-espressjoni jħares 'il quddiem għal kull diskussjoni bbażata fuq il-verità tal-fatti.”

L-istqarrija kienet ippubblikata fid-dawl ta’ rapporti varji li qed jitfgħu dubju fuq l-awtentiċità u l-validità tal-firem li ġew preżentati nhar it-Tlieta illi għadda biex jitlaqqa'’ l-Kunsill Ġenerali.

Huwa qal li jerġa’ jikkonferma li wara verifika li seħħet immedjatament wara talba biex jitlaqqa' Kunsill Ġenerali rriżulta li 84 minn 200 firma li ġew ippreżentati lill-President tal-Kunsill Ġenerali għal ħabta tal-4 ta' wara nofsinhar it-Tlieta 25 ta' Ġunju, kienu filfatt, jew invalidi jew bis-sħubija tagħhom mhux aġġornata.

“L-istatut jgħid ċar li l-istatut jista' jitlaqqa' wkoll wara talba bil-miktub ta' mhux inqas minn 150 membru tal-Kunsill Ġenerali, qalet  l-istqarrija.

Skonthom  55 persuna ffirmaw l-petizzjoni meta l-aħħar li ħallsu t-tessera tagħhom kien fl-2017 jew fl-2018. Dawn jinkludu 3 mill-5 membri li  ppreżentaw il-petizzjoni b'konferenza stampa u li wieġbu għall-istqarrija tal-President tal-Kunsill Ġenerali.

“It-tessera setgħet tħallset bil-kumdità kollha jew onlajn jew għand il-Kumitat Sezzjonali jew id-Dar Ċentrali. Xi wħud baqgħu ma' ħallsux anke meta membri tal-Kumitat marru d-dar għandhom. L-istatut jgħid ċar li ‘min ma jibqax tesserat fil-partit jispiċċa awtomatikament minn kull kariga li jkollu fil-partit’,” qal il-PN.

L-istqarrija spjegat kif, 23 persuna ma' kellhom l-ebda dritt jiffirmaw bħala Kunsillieri għaliex mhumiex membri tal-Kunsill Ġenerali. “Dan seta' seħħ għaliex dawn il-persuni ma' baqgħux fil-kariga li kienet tagħtihom dritt ta' sħubija fil-Kunsill Ġenerali jew għaliex ma' kienux konfermati mill-Kumitat li kien jeleġġihom għal din is-sħubija.”

Apparti minn hekk skonthom ħames firem ma' kienux validi għaliex il-persuni li ffirmaw, kienu rrifjutaw li jħallsu t-tessera kif mitlub minnhom u allura statutorjament ma baqgħux membri tal-Kunsill Ġenerali filwaqt li kien hemm każ fejn l-isem u l-kunjom ta' persuna ma qablux mal-karta tal-identità.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-PN qal li l-President tal-Kunsill Ġenerali għaddiet il-petizzjoni lill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kif jitlob l-istatut.

More in Politika