Ivan Bartolo jinsisti li kunsilliera tneħħilhom id-dritt tal-vot mingħajr ma ġew infurmati

Fi stqarrija, Bartolo jisħaq ukoll li għall-kuntrarju ta’ dak irrappurtat, ma kien hemm l-ebda firma invalida

Ivan Bartolo, il-persuna li ppreżenta l-200 firma li nġabru biex jissejjaħ Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, insista li għall-kuntrarju ta’ dak irrappurtat, ma kien hemm l-ebda firma invalida.

Filwaqt li saħaq li qed jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-Kunsill Ġenerali se jkun qed jitlaqqa’, Ivan Bartolo kkundanna l-fatt li fi kliemu kien hemm uffiċjali għolja fil-partit li ppruvaw jiskreditaw l-għeruq tal-Partit.

“Jirriżulta li fost il-persuni li għamlu t-talba kien hemm 23 membru tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li tneħħielhom id-dritt tal-vot mingħajr ma l-ebda wieħed minnhom qatt ma ġie infurmat,” insista Ivan Bartolo b’referenza għal dak irrappurtat ilbieraħ, jiġifieri li fil-lista ppreżentata kien hemm persuni li ma kellhomx dritt jiffirmaw.

Bartolo insista li ġaladarba ġie kkonfermat li se jkun qed jissejjaħ u jinżamm Kunsill Ġenerali, “ma nħassx il-bżonn li f’dan l-istadju titqajjem il- kwistjoni dwar kif u min huwa responsabbli mil-lista tal-membri tal-Kunsill Ġenerali.”

Assigura li dawn se jkunu qed jivverifikaw mal-Kumitat Sezzjonali tagħhom dwar meta u kif tneħħielhom id-dritt tal-vot.

Ilbieraħ intqal ukoll li ffirmaw tesserati li għadhom ma ħallsux it-tessera tagħhom ta’ din is-sena, jew inkella li ilhom ma jħallsuha.

Dwar dan, Ivan Bartolo insista li dawk li għadhom ma ħallsux it-tessera ta’ din is-sena, għandhom ċans sal-aħħar tas-sena biex jagħmlu dan.

“Għaldaqstant ma teżisti l-ebda raġuni valida biex b’deċiżjoni arbitrarja ta’ xi uffiċjal u/jew impjegat tal-Partit dawn l-istess persuni jiġu esklużi milli jkunu membri tal-Kunsill Ġenerali jew li jitneħħielhom id-dritt tal-vot. Dan jista’ jiġi kkonfermat mill-President tal-Kunsill Ġenerali nnifisha,” insista Bartolo.

Apparti dan, Bartolo kompla jisħaq li numru sostanzjali minn dawn il-persuni diġà kkonfermaw u ppreżentaw l-irċevuta li turi li fil-verità huma diġa’ kienu ħallsu t-tessera tagħhom għas-sena 2019.

“Dan ikompli jikkonferma kif id-data u l-listi tal-Partit qed jinżammu fi stat diżorganizzat u li jagħti lok ta’ abbuż, xi ħaġa li minkejja dak kollu li ntqal fl-aħħar ġimgħat għadha ma ġietx indirizzata,” insista Bartolo.

Madanakollu, waqt li insista li jinsabu ddiżżappuntati minħabba dawn il-punti, qal li l-fatt li se jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali jfisser li l-affarijiet se jibdew jiċċaqalqu.

“Nistennew biss li l- Kumitat Eżekuttiv jiltaqa’ b’mod urġenti sabiex tiġi stabbilita d-data ta’ meta ser jinżamm il- Kunsill Ġenerali sabiex tinżamm diskussjoni ħielsa u jkun jista’ jittieħed vot sigriet dwar il- mistoqsija li proponew aktar minn 150 Kunsillier tal-Partit, kif jitlob l-Istatut,” temm jgħid Bartolo.

More in Politika