Ġimgħa iebsa għal Delia ... allegazzjonijiet ġodda u ultimatum

Adrian Delia spiċċa akkużat minn wieħed mill-akbar ħbieb tiegħu u l-eks sieħeb tiegħu fin-negozju

Din il-ġimgħa taf tkun waħda mill-aktar diffiċli għall-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u dan wara li lbieraħ spiċċa fil-mira ta’ allegazzjonijiet ġodda, ftit sigħat biss qabel jiskadi ultimatum, li diversi ġurnali qed jirrappurtaw dwaru.

Ilbieraħ, wieħed mill-akbar ħbieb ta’ Adrian Delia u l-eks sieħeb tiegħu fin-negozju, Kris Bajada tkellem mal-MaltaToday u fetaħ il-kanuni kontra l-Kap Nazzjonalista.

Bajada, li għamel l-aħħar xahrejn f’koma f’Mater Dei, saħaq li Adrian Delia pprova jakkużah biex idawwar id-diskors minn fuqu u l-problemi li għandu mal-FIAU.

X'kien qal Delia? X'qed jgħid Bajada?

Delia kien saħaq li l-firma tiegħu fuq dokumenti marbuta mal-kumpanija Frankef, li s-sid l-ieħor tagħha huwa Kris Bajada, kienet iffalsifikata.

Il-Kap Nazzjonalista kien qal dan waqt li kien qed ikun mistoqsi dwar investigazzjoni mill-FIAU fuq flus li kienu għaddew f’kont bankarju li Delia kellu f’ismnu f’Jersey u li fih kellu jirċievi flus minn proprjetajiet f’Londra li s-sid tagħhom huwa Eucharist, missier Bajada.

“Ma hemm l-ebda dubju li kien Adrian li fetaħ dan il-kont u li mmaniġjah,” saħaq Kris Bajada mal-MaltaToday. “Adrian naħseb ħaseb li se nieħu xi sigriet miegħi sal-qabar. Jekk Delia ċaħad li fetaħ kont bankarju, allura qed jigdeb.”

Kris Bajada
Kris Bajada

Bajada kien ilu ħafna jaf lil Delia u saħanistra kien iddefendih meta fl-2017, Daphne Caruana Galizia u anke l-MaltaToday kienu ppubblikaw stejjer dwar il-proprjetajiet tal-familja Bajada f’Londra u l-irwol li Delia kellu bħala direttur ta’ kumpaniji offshore li kienu jidhru bħala s-sidien ta’ dawn l-istess proprjetajiet.

L-istess proprjetajiet kienu implikati f’investigazzjoni kbira mill-Pulizija f’Londra dwar il-prostituzzjoni.

Minn dakinhar ‘l hawn, l-FIAU sabet li l-kont li Delia kellu f’Jersey kien irċieva madwar €500,000.

Bajada jiftaħ il-kanuni kontra Delia

Iżda lbieraħ Bajada fetaħ il-kanuni kontra Delia wara li dan kien implikah fl-iffalsifikar tal-firma tiegħu.

“Dak li qal Delia wassal biex saret tfittxija mill-Pulizija fid-dar fejn tgħix l-eks mara tiegħi. Ir-raġuni hija ovvja, għax hija oħt Simon Busuttil. Dan ifisser li pprova jdawwar l-attenzjoni fuq l-avversarju tiegħu,” saħaq Bajada mal-MaltaToday.

Dak li qal Delia wassal biex saret tfittxija mill-Pulizija fid-dar fejn tgħix l-eks mara tiegħi. Ir-raġuni hija ovvja, għax hija oħt Simon Busuttil

Bajada insista li Delia fil-fatt qatt ma kien sid tal-kumpanija Frankef tant li kellu biss ftit shares u għalhekk insista li ma jistax jifhem għalfejn ħareġ b’din l-allegazzjoni issa.

Bajada saħansitra qal li hu kien offra li jgħin lil Adrian Delia fi żmien l-allegazzjonijiet li saru kontrih meta kien qed jikkontesta għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Kien għalhekk li insista li ma jistax jifhem għalfejn: “bagħat lill-Pulizija fid-dar tal-eks mara tiegħi meta kien jaf li ma kien hemm l-ebda dokumenti dwar in-negozji tagħna. Probabbilment biex ipattiha lil Simon Busuttil.”

“Meta Delia għamel din l-istqarrija lill-Pulizija, jiena kont digà qiegħed l-ITU. Ma kien hemm l-ebda tama li kont se ngħix u allura nassumi li ħaseb li kont se nieħu miegħi ċertu fatti sal-qabar. Sfortunatament għalih, jiena ġejt lura bil-verità,” saħaq Bajada.

Tibda ġimgħa iebsa għall-Kap Nazzjonalista

Intant, dawn l-aħħar akkużi, minn ħabib viċin ħafna Delia, ġew f’jiem iebsa għall-Kap Nazzjonalista li qed jiffaċja sfida kbira mill-Grupp Parlamentari li hu jmexxi bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Fil-fatt, skont rapporti, Delia ngħata ultimatum li jiskadi għada meta se jerġa’ jitlaqqa’ l-Grupp Parlamentari li qed jistenna tweġiba dwar il-futur tiegħu.

Deputati li kienu tkellmu mas-sit illum.com.mt kienu spjegaw kif Delia ntalab iwarrab min-numru sostanzjali ta’ Deputati, bl-uniċi tnejn li jaqbżu għalih ikunu Carm Mifsud Bonnici u Edwin Vassallo.

L-istess Deputati saħansitra saħqu kif iż-żewġ viċi kapijiet u anke Kristy Debono qagħdu lura milli joħorġu għonqhom għalih.

Delia mistenni jlaqqa' l-Kumitat Eżekuttiv

Skont rapporti differenti, illejla Delia se jkun qed ilaqqa' il-Kumitat Eżekuttiv.

L-għan huwa li jikseb l-appoġġ ta' dan il-Kumitat importanti qabel għada jmur quddiem il-Grupp Parlamentari jwieġeb.

More in Politika