Ħafna mid-Deputati tal-PN jinsisitu ma' Delia biex jirriżenja

Waqt il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista tal-bieraħ diversi Deputati ħeġġew lit-tmexxija tal-partit biex tassumi r-responsabbilità

Grupp sinifikanti ta’ Deputati Nazzjonalisti qalu ċar u tond lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li huma qed jistennew li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tassumi r-responsabbilità għar-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.

Dan kien irrappurtat dalgħodu mill-MaltaToday, bis-sit illum.com.mt jikkonferma l-informazzjoni ma’ Deputati tal-Partit Nazzjonalista.

Jidher li waqt il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-bieraħ, għadd ta’ Deputati insistew ma’ Delia li għandu jirriżenja.

Il-MaltaToday irrappurtat ukoll kif kważi l-Membri Parlamentari kollha, ħlief xi tlieta, qablu mas-sejħa biex Delia u l-bqija tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, jassumu r-responsabbilità għat-telfiet li ġarrab il-Partit Nazzjonalista.

Qed ikun irrappurtat li l-aktar Deputati voċiferi kienu Karl Gouder, Ryan Callus Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia, b’Edwin Vassallo u Carm Mifsud Bonnici jippruvaw jikkalmaw is-sitwazzjoni.

Apparti minn hekk jidher li tkellem ukoll l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil li ħeġġeġ lil Delia biex jagħmel bħalu u jassumi r-responsabbilità tat-telfa.

Deputati oħra qalu ma' dan is-sit, u dan kien ikkonfermat minn sorsi oħra li tkellmu mal-MaltaToday, li kemm Kristy Debono u anke ż-żewġ Viċi Kapijiet ma lisnux kelma waqt dan kollu.

Intant, il-MaltaToday hija infurmata wkoll li d-Deputati li talbu għas-sejħa ta' Adrian Delia tawh jumejn ċans biex jikkunsidra t-talba tagħhom.

Jidher u dan ukoll kien ikkonfermat minn Deputati, li l-Ewroparlamentari Roberta Metsola ma attendiet għall-ebda miż-żewġ laqgħat li saru fl-aħħar jumejn.

S’issa Adrian Delia kien konsistenti fl-istqarrijiet tiegħu u insista li se jkun qed jibqa’ sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Intant, nhar il-Ħadd li għadda, il-gazzetta ILLUM irrapurtat kif minkejja xnigħat l-ebda Deputat fil-Partit Nazzjonalista ma jrid li jinqasam il-Grupp Parlamentari.

More in Politika