Delia jilqa' għal storja fuq ġurnal ... jgħid li kienu ffalsifikati firem tiegħu

Adrian Delia qal li bħala avukat dejjem aġixxa skont il-liġi kif titlob il-prattika legali u fl-interess tal-klijenti li kien jirrappreżenta

Il-Kap tal-PN Adrian Delia
Il-Kap tal-PN Adrian Delia

Adrian Delia laqgħalu minn qabel għal storja li kienu qed jaħdmu fuqha l-ġurnalisti ta' The Times dwar mistoqsijiet li jirrigwardaw firma tiegħu fuq xi dokumenti, li ma tantx elabora dwarhom. 

F'sejħa lill-midja tard is-Sibt b'avviż tliet kwarti qabel Delia sostna li talab lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jinvestiga b'urġenza x'rabta teżisti bejn dawn id-dokumenti bil-firem foloz u allegazzjonijiet li jeżisti rapport tal-FIAU li jikkonċernah u li ġie leaked lil The Times of Malta.

Adrian Delia qal li ntbagħtu lilu mistoqsijiet minn The Times, qabel imbagħad implika li The Times qed tibgħat mistoqsijiet biex timminah. Delia fil-fatt sostna li The Times staqsew il-mistoqsijiet wara li hu kkritika għal darb'oħra lill-Gvern Laburista,  ħataf l-istituzzjonijiet kollha inklużi l-FIAU, l-Korp tal-Pulizija, l-Forzi Armati ta' Malta u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Dan seħħ ukoll sigħat wara li l-Gvern ħabbar li se jkollu jaċċetta dak li l-Oppożizzjoni ilha tisħaq fuqu li l-Avukat Ġenerali ma jistax ikollu żewġ rwoli.

 Delia qal li huwa ċar li xi ħadd ma jridx li hu jkompli bil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra l-ħtif ta' l-istituzzjonijiet mill-Gvern. Huwa qal li huwa ċarissimu li xi ħadd lest jipprova jintimidah u li lest jagħmel minn kollox biex ma jkomplix bil-ġlieda għas-sewwa. Dan meta huwa ċar li xi ħadd irid ikisser lill-Kap tal-Oppożizzjoni, l-familja tiegħu u lill-Partit Nazzjonalista, li dejjem kien il-mutur ewlieni favur is-sewwa, il-ġustizzja u d-demokrazija.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia iddikjara li bl-iżjed mod kategoriku hu qatt ma kien involut fi tranżazzjonijiet illegali kif ġie allegat. Qatt ma ffirma jew ra dokumenti, li saru bl-intenzjoni ta' ħasil ta' flus jew li b'xi mod seta' induna li kienu se jintużaw għal skopijiet illegali.

Adrian Delia qal li bħala avukat dejjem aġixxa skont il-liġi kif titlob il-prattika legali u fl-interess tal-klijenti li kien jirrappreżenta. 

Il-PL jgħid li Delia mhux denju tal-kariga li jokkupa

Intant fi stqarrija l-Partit Laburista (PL) sostna li l-allegazzjonijiet li qed jitkellem dwarhom Delia, "issa ilhom fuq rasu sa minn qabel laħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kważi sena u nofs wara li l-allegazzjonijiet dwaru feġġew għall-ewwel darba ħareġ jgħid li d-dokumenti fejn hemm firem tiegħu huma foloz."  

"Li kieku Adrian Delia talab inkjesta dwaru nnifsu minnufih u meta appelawlu ħafna, sal-lum forsi nafu l-verità," qal il-PL.

Il-PL temm jgħid li llum huwa ċar li "kif qalulu nies mill-PN stess Delia mhux denju tal-kariga li jokkupa. Jekk xejn għax ma baqagħlux nitfa’ kredibbiltà".

More in Politika