Tfittxija fid-dar ta' oħt Simon Busuttil dwar l-allegazzjoni ta' firem iffalsifikati ta' Delia

Fl-aħħar jiem Adrian Delia allega li xi ħadd iffalsifika dokumenti bil-firma tiegħu, liema dokumenti huma fil-qalba ta' rapport tal-FIAU

Kris Bajada, Adrian Delia u Diana Busuttil
Kris Bajada, Adrian Delia u Diana Busuttil

Il-Pulizija wettqu tfittxija fid-dar ta’ Diana Busuttil, oħt l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, wara li nhar is-Sibt li għadda l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia allega li xi ħadd iffalsifika dokumenti bil-firma tiegħu

Irrappurta dan is-sit MaltaToday hekk kif il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga x’rabta hemm dawn id-dokumenti bil-firem foloz u allegazzjonijiet li jeżisti rapport tal-FIAU li jikkonċernah u li kien ġie leaked lil The Times of Malta.

Diana Busuttil kienet miżżewġa lil Kris Bajada, iben Eucharist Bajada, is-sid ta’ kumpaniji offshore li huma sidien ta’ djar f’Londra li kienu nvoluti f'investigazzjoni kbira dwar il-prostituzzjoni magħrufa bħala Operation Pabail.

Ir-relazzjoni bejn Delia u Bajada u dawn il-kumpaniji huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni tal-FIAU li għaddiet f’idejn il-Pulizija f’Marzu tal-2018. Is-Sibt li għadda, Delia saħaq li dokumenti li ra b’konnessjoni ma’ dan ir-rapport kienu jinkludu firem tiegħu ffalsifikati.

Il-Maġistrat tal-Għassa, Aaron Bugeja ħa f’idejh din l-investigazzjoni dwar l-allegazzjoni tal-firem foloz u kien dan li wassal għat-tfittxija fid-dar ta' oħt l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.

X'qed ikun allegat?

Qed ikun allegat li Adrian Delia, f’kont li kellu f’Jersey, irċieva £349,000, jiġifieri viċin nofs miljun ewro, x'aktarx f’isem il-klijent tiegħu Eucharist Bajada. Il-MaltaToday kienet żvelat kif Delia kien id-direttur ta’ Healey Properties, kumpanija fil-Bahamas, u li kienet is-sid ta’ 52, Greek Street in London, proprjetà li fiha sar rejd f’Lulju tal-2013 bħala parti minn investigazzjoni dwar il-prostituzzjoni.

Ittri legali kienu juru wkoll kif Delia kien involut f’argument bejn l-avukati bbażati f’Londra u li kienu qed jirrappreżentaw lil Eucharist Bajada fuq naħa, u lil ħuh Emmanuel fuq in-naħa l-oħra.

L-ittri jissuġġerixxi li Emmanuel u l-mara tiegħu Eve suppost kienu qed jiġbru l-kera minn proprjetajiet f’Londra u jgħadduhom lil Healey Properties jew lil AAS Freight Services.

Jidher iżda li l-kera kollha akkummulata bejn l-1993 u l-2003, jiġifieri £20,000 fix-xahar, ma kinux qed jgħaddu f’dawn il-kumpaniji, u kien dan li wassal għall-argument bejn l-aħwa. Dawn il-flus, jiktbu l-avukati, kellhom jgħaddu fil-kont li Adrian Delia kellu f’Jersey.

Fil-fatt, il-flus iddepożitati fil-kont f'Jersey ma kinux dawn l-£20,000 fix-xahar iżda, skont it-Times of Malta, pagamenti li jvarjaw bejn £400 u £16,000. Il-maġġoranza tal-flus iddepożitati saru jew fi flus kontanti jew inkella permezz ta' ċekkijiet u kienu ġejjin minn fergħat madwar iż-żona ta' Soho, magħrufa għall-prostituzzjoni u l-burdelli.

Il-kont ta' Adrian Delia f'Jersey u anke l-kont bankarju ta' Healey Properties mal-Bank of Valletta għandhom l-istess indirizz b'Birkirkara.

It-tranżazzjonijiet kollha li ħarġu jew daħlu f'dan il-kont kollha kemm huma jidhru li huma marbuta mal-familja Bajada u l-proprjetajiet li s-sidien tagħhom kienu l-kumpaniji Healey Properties u AAS Freight Services Ltd.

Il-MaltaToday kienet ippubblikat ukoll reżoluzzjoni tal-kumpanija Healey Properties, datata Diċembru 2003. Din introduċiet element ġdid fl-istorja, hekk kif kemm isem Adrian Delia u anke dak tal-Ministru Chris Cardona kienu jidhru fuq reżoluzzjoni u li permezz tagħha rriżenjaw minn diretturi tal-kumpanija. Madanakollu, fuq din ir-reżoluzzjoni, allegatament tidher biss il-firma ta’ Adrian Delia.

Kemm Delia u kemm Cardona ma baqgħux diretturi tal-kumpanija u posthom ħaduhom żewġ kumpaniji oħra li waħda minnhom tidher li hija rreġistrata fir-Renju Unit u l-oħra fil-British Virgin Islands.

Kif wieġeb Delia?

Nhar is-Sibt li għadda, f'konferenza li sejjaħ tard waranofsinhar, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia reġa' ddikjara, bl-iżjed mod kategoriku, li hu qatt ma kien involut fi tranżazzjonijiet illegali kif ġie allegat. Qatt ma ffirma jew ra dokumenti, li saru bl-intenzjoni ta' ħasil ta' flus jew li b'xi mod seta' induna li kienu se jintużaw għal skopijiet illegali.

Aqra wkoll:

More in Politika